Karol Aquilina Jirriżenja Minn Kelliem Tal-Oppożizzjoni U Minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari Tal-PN
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ħabbar li rriżenja minn kelliem tal-Oppożizzjoni u mill-grupp Parlamentari tal-PN wara li dalgħodu ġie notifikat mill-Pulizija li se jittieħdu passi fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ każ li seħħ f’Ġunju ta’ sentejn ilu meta kien involut f’inċident ma’ Pulizija tat-traffiku waqt li kien fi triqtu għall-Parlament.
Karol Aquilina qal li jiddikjara li bl-ebda mod ma hu ħati tal-akkużi li se jinġiebu kontrih, u li se jkun qed jiġġieled għall-innoċenza tiegħu fil-Qorti. Żied jgħid li m’għandux dubju “li se jkun hemm min jipprova juża dawn l-akkużi għall-gwadann politiku u biex jiddevja l-attenzjoni tal-poplu mill-iskandli oxxeni tal-Gvern Laburista”.
Għaldaqstant, żied jgħid li kiteb lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u infurmah li qed jirreżenja b’mod immedjat mir-rwoli tiegħu ta’ Kelliem għall-Ġustizzja u r-Riformi Elettorali u minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari.