Każ Ħamrun S. COVID19 – Illejla f’Għawdex ‘Suppost’ Tintlgħab.. Il-Kbira Kontra Hibernians Tiddependi Minn Għada.. Għaliex?
Ħamrun Spartans il-leaders tal-Kampjonat BOV Premier u aspiranti li jsiru Champions wara 30 sena bħalissa milquta mill-virus bi tliet players pożittivi.
Il-logħba tal-lejla mill-Fażi tas-Sittax tal-FA Trophy fil-Gozo Stadium kontra Xagħra United, kollox jindika li se tintlgħab b’mod normali, dan wara li aktar testijiet fuq il-players u staff tekniku ta’ Ħamrun Spartans it-Tlieta b’xorti tajba rriżultaw kollha fin-negattiv, madankollu għadha f’riskju l-partitissima tas-Sibt li ġej, id-dwell dirett bejn iż-żewġ sfidanti għat-titlu dan l-istaġun, hekk kif Ħamrun jiltaqgħu kontra Hibernians.
Illejla fil-Gozo Stadium ‘suppost’ tintlgħab għal fatt li Xagħra United jidher li mhumiex konvinti li l-logħba għandha ssir kif skedat minħabba s-sitwazzjoni li laqtet lil Ħamrun Spartans, madankollu jidher li kollox mexa’ mal-protokolli tal-Assoċjazzjoni u ġa la darba mit-testijiet tat-Tlieta ħadd ma’ ħareġ pożittiv fost il-players tal-Ispartans li se jkunu nvoluti fil-logħba tal-FA Trophy, jidher li l-proċedura saret kif suppost.
Aktar diskussjonijiet bejn il-Gozo Football Association, Xagħra United, l-esperti mediċi u l-MFA se jsiru aktar tard mal-jum biex jiddeterminaw x’ser jiġri eżatt illejla.
Sadanittant il-partitissima tas-Sibt li ġej mill-Kampjonat BOV Premier fl-Istadium Nazzjonali, round ieħor ta’ swab tests lill-players tal-iSpartans il-Ħamis għandu jiddetermina jekk il-logħba kontra Hibernians tintlgħabx kif skedat jew tiġix posposta għal data oħra aktar il-quddiem.
Nifhmu li mit-testijiet li se jsiru l-Ħamis anke jekk player wieħed biss ta’ Ħamrun Spartans jinstab pożittiv, il-logħba mill-Kampjonat is-Sibt kontra l-Pawlisti titħassar, dan anke konformi mal-protokoll tal-Malta Football Association u l-ammont ta’ players pożittivi mill-istess cluster biex partita ma’ tintlgħabx u għalhekk tiġi posposta għal data oħra.