“L-online learning kellu jkun għażla ta’ sens komun u mhux sforz ta’ biża politika minn strike studentesk” – PN

 “L-online learning kellu jkun għażla ta’ sens komun u mhux sforz ta’ biża politika minn strike studentesk” – PN

L-online learning għall-istudenti tal-Higher Secondary kellu jkun għażla ta’ sens komun u mhux sforz ta’ biża politika minn strike studentesk, hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.

Il-Partit Nazzjonalista qal li f’ittra li ntbagħtet lill-għalliema, ntqal li din il-bidla fil-policy tal-Higher Secondary qed issir bl-approvazzjoni tal-Ministru, li jfisser li qabel ma kienx hemm approvazzjoni mill-Ministru biex isir tagħlim online.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija qal li fl-aħħar xhur u sforz tal-għebusija tar-ras tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-istudenti tal-Higher Secondary: ma kienux qed igawdu minn lezzjonijiet online bħall-istudenti sħabhom f’edukazzjoni post-sekondarja bħall-Junior College u l-MCAST, ma tħallewx jiffurmaw kunsill tal-istudenti biex ma kien hemm l-ebda korp studentesk li seta’ jwassal l-ilmenti tal-istudenti, ġieli nqalgħu mid-dar għal lezzjoni waħda biss fil-klassi, meta l-kumplament tal-lezzjonijiet kienu online. It-time table mhux dejjem għamlitha possibbli li l-istudenti jilħqu jmorru lura d-dar għal-lezzjonijiet online, fuq il-kampus, batew minn konnesjoni tal-internet ħażina ħafna, qattgħu sigħat sħaħ imma ma ngħatawx postijiet diċenti fejn joqogħdu jsegwu lezzjonijiet online jew jistudjaw meta ma’ kienx ikollhom lezzjoni. Ħafna minnhom spiċċaw bilqegħda mal-art fil-kurituri jew fit-triq.

Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li ħafna studenti vvjaġġaw kuljum bit-trasport pubbliku b’riskju ta’ tixrid akbar tal-virus u studenti vulnerabbli jew b’familjari vulnerabbli tilfu ħafna lezzjonijiet li saru b’mod fiżiku fil-klassi. Dawn l-istudenti qed jiddependu biss fuq noti li jiddubbaw mingħand sħabhom u se jkunu żvantaġġati fl-eżamijiet tal-MATSEC.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li filwaqt li jilqa’ l-aħbar li l-lezzjonijiet tal-Higher Secondary se jibdew isiru kollha online juri solidarjeta’ mall-istudenti li din is-sena tilfu ħafna, mhux biss tort tal-pandemija imma torta tan-nuqqas t’ippjanar u governaznza tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com