Madwar 12-Il Bastiment Mitluq Qed Jitneħħew Mill-Port Il-Kbir

 Madwar 12-Il Bastiment Mitluq Qed Jitneħħew Mill-Port Il-Kbir

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħlijiet għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir bħalissa għaddejjin ġmielhom u madwar 12-il bastiment mitluq qed jitneħħew mill-Port il-Kbir.

Il-Ministru Borg qal li Transport Malta, flimkien ma’ Infrastructure Malta, daħlet għal numru ta’ proġetti stabbiliti biex tirriġenera l-port, biex b’hekk itejbu mhux biss is-servizzi li jistgħu jiġu offruti iżda wkoll il-flessibilità li l-port jista’ joffri lill-industrija tat-tbaħħir f’Malta b’mod sħiħ. Il-ministru qal dan waqt li kien qed isegwi operazzjoni li kienet qed issir fejn kien qed jittella’ bastiment.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-port tagħna għandu importanza strateġika. Huwa port li għandu użu differenti; ta’ livell industrijali, ta’ merkanzija imma anka turistiku u allura kull post li għandna f’dan il-port jeħtieġ li jkun utilizzat tajjeb.”

“Aħna rridu iktar servizzi marittimi, irridu però mbagħad li kull spazju jkun utilizzat bl-aħjar mod possibbli u għalhekk qed innaddfu dan iċ-ċimiterju ta’ bastimenti li kienu mgħarrqa u mitluqa fin-naħa ta’ ġewwa tal-Marsa, madwar tnax b’kollox, u anke meta kellna strutturi opri tal-baħar bħal oil rigs li kien għadda ż-żmien minn fuqhom fejn kienu u kienu ilhom hemm mitluqa, aħna tlabna biex dawn jitilqu wkoll. Irridu li jidħlu iżjed għax-xogħol. Issa għandna port notice ġdida li qed tinnotifika kull xahrejn u b’hekk tabilħaqq naraw li jkun għaddej ix-xogħol fuqhom jew le”.

Il-kumplessità ta’ dawn l-operazzjonijiet m’għandhiex tiġi sottovalutata u dan meta wieħed jinnota li numru ta’ bastimenti, li huma fi stat ta’ tifrik, huma kompletament mgħaddsa, u dan iżid mal-kumplessità tat-tagħmir u mal-esperjenza meħtieġa fil-proċess tat-tneħħija. Barra minn hekk, iċ-ċirkostanzi li jdawru kull bastiment, li issa huma meqjusa bħala mhux tajbin għall-baħar, ivarjaw sal-punt li kull bastiment irid jiġi trattat b’mod differenti, bi proċessi kemm legali kif ukoll loġistiċi magħmula apposta għal kull każ. Dawn il-proċessi bħalissa għaddejjin flimkien ma’ numru ta’ operazzjonijiet li sal-lum diġà rkupraw numru ta’ bastimenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com