Masġar Fiż-Żejtun Mhux Se Jibqa’ F’Idejn Il-Volontarjat
Wirt iż-Żejtun mhux se tkompli tieħu ħsieb il-masġar li jinsab ħdejn il-Kappella ta’ San Klement.
Fuq Facebook, l-għaqda volontarja qalet li dan qed isir fid-dawl li ġie mqabbad kuntrattur minn Infrastructure Malta biex jieħu ħsieb is-central strip li fuqha jinsab il-masġar, filwaqt li huma ma kienux avżati dwar dan.
L-istess għaqda fakkret li hija bdiet tieħu ħsieb dan l-ispazju bil-permess tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun min-Novembru 2019, meta kienu tħawlu iktar minn 100 siġra u arbuxell.
Dan filwaqt li f’Novembru li għadda tħawwlu aktar minn 100 siġra u arbuxell oħra.
Wirt iż-Żejtun qalet li fis-sajf, dawn l-istess siġar u arbuxelli kienu jissaqqew bi spejjeż tal-għaqda.
Sostniet li l-membri tagħha jinsabu urtati għal dak li seħħ, hekk kif il-ħidma volontarja ma kinitx apprezzata.