Mhux Se Tkun Milquta L-Pensjoni Ta’ Min Twieled Bejn L-1956 U L-1961
Il-pensjoni ta’ dawk li twieldu bejn l-1956 u l-1961 mhux se tkun milquta minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-jum tat-Tlieta, fejn ġie spjegat li dawk in-nies f’din il-kategorija li kellhom tnaqqis fil-paga minħabba l-pandemija, il-pensjoni tagħhom se tinħadem fuq Jannar u Frar tal-2020.
Dan l-aġġustament kien possibli wara li saret bidla fl-Att tas-Sigurtà Soċjali, u li mistenni jolqot lil 2,500 persuna u l-familji tagħhom. Il-komputazzjoni ġdida se tibqa’ fis-seħħ sakemm iddum għaddejja l-pandemija, u hemm il-ħsieb li tiġi estiża għal kategoriji oħra ta’ pensjonanti.
Il-Ministri Michael Falzon u Clyde Caruana rrimarkaw li din il-miżura se tolqot il-ħajja tan-nies għal minn tal-inqas 20 sena, u b’hekk id-dħul tal-pensjonanti t’ għada se jibqa’ l-istess, u mhux se jkun milqut mill-pandemija.