“Miżura Eċċessiva U Inumana” – Ġenituri Li Qed Jistennew It-Twelid
Fuq change.org għaddejja petizzjoni li tappella biex il-missier jitħalla ħdejn l-omm qabel u wara t-twelid.
Il-petizzjoni, li diġa għandha kważi 4,000 firma f’inqas minn 24 siegħa, tisħaq li l-missirijiet huma parti importanti mill-proċess sabiex ikun hemm esperjenza mill-isbaħ għaż-żewġ ġenituri u l-wild il-ġdid.
Ingħad ukoll li din is-sitwazzjoni qed toħloq iktar pressjoni fuq il-qwiebel u l-infermiera.
B’rabta mal-istess petizzjoni, it-Times of Malta rrappurtat li filwaqt li l-missier qed jitħalla ħdejn l-omm waqt it-twelid, huwa għandu jitlaq mill-isptar hekk kif l-omm tkun se tibda t-trattament ta’ wara t-twelid, li huwa perjodu delikat ħafna.
“Din hija miżura eċċessiva u inumana”, qal Tyron Tabone mal-istess gazzetta, li flimkien ma’ martu Thea qed jistennew it-twelid tat-tarbija tagħhom ix-xahar id-dieħel.
Tyron spjega kif it-tħassib mhux qiegħed fuqhom biss, imma anke fuq il-ġenituri kollha li qed jesperjenzaw din is-sitwazzjoni.
Huwa qal li din ir-restrizzjoni kienet tagħmel sens kieku l-pajjiż kien f’sitwazzjoni ta’ ‘lockdown’ totali, u l-awtoritajiet ma rieħdu jieħdu l-ebda riskji.
Madanakollu, Tyron innota li f’sitwazzjoni fejn il-familji jistgħu jitħaltu u l-attivitajiet reliġjużi jistgħu isiru, din li l-ġenituri ma jistgħux igawdu dal-mument tant speċjali flimkien ma jagħmel l-ebda sens.