Opportunità Unika Għall-Intraprendituri Kreattivi F’Malta

Intraprendituri kreattivi minn Malta jistgħu għall-ewwel darba jingħaqdu ma’ komunità globali li tħares l-iżvilupp ta’ intrapriżi ġodda u innovattivi fl-industriji kreattivi.
Il-Creative Business Cup hija kompetizzjoni globali organizzata min-netwerk internazzjonali li jlaqqa’ flimkien rebbieħa nazzjonali minn 80 pajjiż.
Meqjusa bħala l-Olimpjadi tal-istartups kreattivi, il-kompetizzjoni hija opportunità għall-intraprendituri fl-osqsma kreattivi u ċelebrazzjoni tal-innovazzjoni u l-ġid li joħolqu.
Toni Attard, l-imsieħeb nazzjonali għall-Creative Business Cup, qal li din hi opportunità unika hekk kif se toffri lir-rebbieħa Maltin pjattaforma internazzjonali b’aċċess bla preċedent għal esperti, netwerks u investituri.
Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, irrikonoxxa l-irwol tas-setturi kreattivi għall-ekonomija, u spjega kif Malta Enterprise tat is-sostenn tagħha lis-settur permezz ta’ diversi skemi.
Il-kompetizzjoni hi miftuħa għal startups li jużaw ħiliet kreattivi fil-produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi fl-industrija kreattiva jew startups kreattivi li jikkollaboraw ma’ industriji oħra.
Il-finalisti kollha fil-kompetizzjoni nazzjonali se jirċievu għajnuna minn PwC Malta biex iħejjuhom għall-kompetizzjoni, filwaqt li Malta Enterprise se tipprovdi gwida lill-applikanti fl-iżvilupp tan-negozju.