Ritorn Grandjuż Fuq Palk Spettakolari Ġimgħatejn Oħra Fuq TVM
Jiġi żvelat il-palk ta’ Mużika Mużika, il-konkors prestiġjuż li ser jirritorna fix-xena lokali b’għażla spettakolari ta’ talent lokali b’materjal oriġinali bil-lingwa Maltija.
It-tim ta’ Mużika Mużika fi ħdan Festivals Malta ħadem palk eċċezzjonali għar-ritorn grandjuż tal-festival kanzunetta Maltija, mgħammar b’teknoloġija avvanzata għal produzzjoni televiżiva ta’ livell superjuri. 20 semi-finalist u madwar 50 mużiċist mill-Malta Philharmonic Orchestra ser jingħaqdu fuq dan il-palk b’estetika dinamika, waqt li jimxu mal-miżuri uffiċjali tal-Covid-19.
Gerald Agius Ordway ħoloq palk modern u kontemporanju fejn l-orkestra u l-maestro huma ċ-ċentru tal-prestazzjoni. Mibni fuq livelli differenti, il-palk huwa maħdum fuq disinn li sar mit-tim ta’ Festivals Malta, mnissel mill-logo ta’ Mużika Mużika b’forma ta’ żewġ noti mużikali mhemmżin flimkien. Għandu wisa’ ta’ 26 metru bi 18-il metru fond u jingħad li ser ikun imdawwal b’madwar 354 bozza. Biex jinxtgħalu il-livelli differenti hemm bżonn ta’ madwar 400 metru LED, filwaqt li l-iscreens ta’ wara fihom bejn wieħed u ieħor 200 metru kwadru ta’ panelli LED maħduma fit-tond.
Barra minn hekk, it-telespettaturi ser ikollhom aċċess għaż-żona backstage, li ser tkun estenzjoni tal-palk waqt ix-xandir tal-programm fuq il-mezzi soċjali. Permezz tal-Facebook Live, ser ningħaqdu mal-preżentaturi Gianni Zammit u Taryn Mamo Cefai sabiex iżommuna aġġornati dwar dak kollu li qed jiġri wara l-kwinti.
Fit-18, 19 u 20 ta’ Marzu 2021, għamlu appuntament ma Mużika Mużika live fid-9pm fuq TVM. Għal aktar informazzjoni, żuru s-sit ta’ Mużika Mużika, jew segwu l-aġġornamenti tal-festival fuq Facebook u Instagram.