Servizz Terapewtiku Ġdid Għal Persuni B’Dipendenza Għolja

 Servizz Terapewtiku Ġdid Għal Persuni B’Dipendenza Għolja

Il-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru Narċis ftit ġimgħat ilu – ħidma konġunta bejn il-Faċilità għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paule (SVP) u l-Aġenzija Sapport –se jwassal għal servizz terapewtiku ta’ eċċellenza f’kura ffukata fuq ir-resident permezz ta’ prattiċi innovattivi u kura fit-tul, speċjalizzata għal persuni b’dipendenza għolja bi storja medika kumplessa. Sa ftit taż-żmien ilu, żgħażagħ u adulti żgħar fl-età inklużi dawk li jew riżultat ta’ mard jew inċidenti minħabba ikollhom diżabilità jew dipendenza għolja, u jkollhom bżonn kura fit-tul biex jirkupraw, kienu qegħdin jispiċċaw fi swali ma’ persuni anzjani f’San Vinċenz de Paule. Għal dan il-għan ta’ kooperazzjoni fit-terapija ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim (MOU) bejn iż-żewġ entititajiet li għalih kienu preżenti l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Anzjani u L-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, li mid-dekasteri tagħhom jiffurmaw parti miż-żewġ entitajiet firmatarji.

Iċ-Ċentru Narċis se jkun qed jipprovdi servizzi speċjalizzati għal persuni adulti  ta’ bejn 18 u 59 sena b’dipendenza għolja bi storja medika kumplessa, u se jkun jifforma parti mill-kumpless San Vinċenz de Paule. Iċ-ċentru ngħata l-isem NARĊIS, il-fjura li tissimbolizza bidu ġdid. Bidu ġdid għall-persuni kkonċernati u l-familji tagħhom huwa l-iskop wara dan is-servizz terapewtiku.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-proġett li se jkun qed jissimbolizza l-kliem inklużjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Qalet ukoll li, “Narċis huwa servizz maħsub biex iwassal lill-persuni kkonċernati minn ħajja f’istituzzjoni għal waħda ta’ integrazzjoni fil-komunità. Servizz li se jgħin lill-persuni kkonċernati u lill-qraba tagħhom jagħmlu l-pass li jmiss li jista’ jkun diffiċli. Servizz lil persuni li għandhom bżonn qabża fil-kwalità tal-kura li eventwalment twassalhom għal integrazzjoni fis-soċjetà. Servizz li se jkun ta’ għajnuna kbira tul dan il-vjaġġ għal ħajja ġdida. Narċis se joffri esperjenza unika lir-residenti u l-qraba tagħhom u se joffri esperjenzi ta’ ‘live-in’ fejn il-qraba jistgħu jgħixu mal-klijenti billi jqattgħu ħin flimkien biex jifhmu aktar lil xulxin u jkunu ppreparati għal dan il-vjaġġ ġdid.”

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li f’temp ta’ tliet xhur biss, tlestew ħafna mix-xogħlijiet infrastrutturali fuq il-binja u l-għamara, fi Frar ġiet inawgurata, u llum diġà qiegħda tilqa’ fi ħdanha l-ewwel residenti.

Il-ministru qal li ma’ dawn ir-residenti se jkun qed isir xogħol intensiv ħafna u rringrazzja lill-ħaddiema tal-faċilità San Vinċenz de Paule li se jkunu qegħdin jaħdmu magħhom b’kollaborazzjoni mal-esperti ta’ Aġenzija Sapport.

Tim interdixxiplinarju ta’ professjonisti se jipprovdu pjan għall-kura għar-residenti u l-familji biex jinstabu soluzzjonijiet li jwasslu għal ħajja fil-komunità. Dan isir permezz ta’ laqgħat regolari. Is-servizzi jinkludu għajnuna għall-integrazzjoni soċjali d-dar, jew għajxien b’sapport fi strutturi żgħar tal-Aġenzija Sapport; assistenza medika ta’ infermiera 24 siegħa kuljum; fiżjoterapija; ‘occupational therapy’; ‘speech therapy’; servizzi ta’ ‘social workers’; dentistrija u psikoloġija – servizzi pprovduti mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul. Se jkun  qed jiġi pprovdut ukoll ‘after care’, wara li dawn in-nies jirritornaw fil-komunità.

Aspett importanti tal-programm huma l-attivitajiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jgħinu l-għajxien fil-ħajja ta’ kuljum fil-komunità. L-attivitajiet se jevolvu skont ix-xewqat u l-bżonnijiet tal-klijent.

L-iffirmar tal-MOU dwar is-servizz Narċis sar mill-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paule, Josianne Cutajar, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija SAPPORT, Ruth Sciberras. Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti responsabbli miż-żewġ ministeri, Matthew Vella.

 

Ritratt: DOI / Reuben Piscopo

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com