Solvuti Serqiet Li Saru Fil-Mosta, Naxxar, San Pawl Il-Baħar U Ħal Qormi
Fl-aħħar sigħat ġew arrestati żewġt irġiel mis-Serbja u l-Maċedonja. Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, arrestat żewġt irġiel b’rabta ma’ serqa armata li seħħet fil-11 ta’ Diċembru illi għadda f’ħanut fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta.
Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni, il-pulizija identifikaw liż-żewġ persuni li allegatament wettqu din is-serqa u anke stabilixxiet fejn kienu qegħdin joqgħodu.
Nhar it-Tlieta, ftit wara l-għaxra ta’ bil-lejl, Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, iċċirkondaw appartament f’San Pawl il-Baħar u arrestaw raġel ta’ 42 sena mis-Serbja.
L-operazzjoni ssoktat ilbieraħ, l-Erbgħa, fejn għal ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija arrestat it-tieni persuna, raġel ta’ 42 sena mill-Maċedonja, minn appartament fil-Gżira.
Minbarra li ż-żewġt irġiel wettqu flimkien is-serqa fil-Mosta, waqt l-invetsigazzjonijiet irrizulta wkoll li r-raġel mis-Serbja, allegatament waħdu kien involut f’erba’ serqiet oħra li seħħew flaħħar xhur fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi.
Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum f’xi l-għaxra u nofs ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli.