Wara Direttiva Mill-Prim Imħallef Biex Jinstemgħu Biss Każijiet Urġenti Ġie Nnotat Li Numru Ta’ Ġudikanti Baqgħu Jappuntaw Seduti…
Wara d-direttiva tal-Prim Imħallef il-ġimgħa 5 ta’ Marzu 2021, li biha huwa stieden sabiex sal-11 ta’ April 2021, jinstemgħu biss kawżi ta’ natura urġenti, il-Kamra tal-avukati nnotat illi xorta waħda hemm numru ta’ ġudikanti li baqgħu jappuntaw seduti fil-qorti b’mod normali, u f’każijiet li propju ma jimmeritawx l-urġenza.
Fi stqarrija, intqal li l-Kamra tifhem u tapprezza li wara d-direttiva tal-Prim’ Imħallef l-aspettattiva kienet li aktar ġudikanti jkollhom id-disposizzjoni li jifmhu s-sitwazzjoni tal-avukati u l-partijiet f’’kawzi u allura jiddifferixxu l-kawzi kollha li mhumiex verament ta’ natura urġenti jew almenu jirrikorru għal mezzi teknoloġiċi li issa huma disponibbli fil-Qorti (anki jekk b’mod limitat) biex jinżammu seduti b’mod virtwali u remot. Il-Kamra tifhem illi kull ġudikant irid jieħu veduta hu dwar l-urġenza o meno ta’ kawża, pero temfasizza li fiċ-ċirkostanzi preżenti għandu verament ikun hemm raġunijiet oġġettivament ġustifikabbli t’urġenza biex tinżamm seduta, u jekk hemm tali ġustifikazzjonijiet allura s-seduta għandha tinżamm virtwalment. B’dan il-mod wieħed ikun jista’ jilħaq bilanċ bejn dak illi verament huwa essenzjali u dak li mhux mingħajr ma ħadd ma jitpoġġa f’sitwazzjoni ta’ riskju inutli ta’ saħħa, f’mument meta r-riskju huwa ogħli ħafna.
B’hekk, b’effett mill-14 ta’ Marzu 2021, id-direttiva tgħid li ebda avukat m’għandu jattendi f’ebda seduta tal-Qorti jew ta’ Tribunal ieħor, u jekk hemm seduti li għandhom isiru dawn għandhom isiru biss b’mod virtwali u dan sakemm jingħataw direttivi ulterjuri. Dan għandu japplika bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet inevitabbli u urġenti ta’ seduti. Għall-mument mhumiex qegħdin jingħataw struzzjonijiet u direttivi fil-konfront t’ atti ġudizzjarji li għandhom bżonn jiġu preżentati fir-reġistru. Għaldaqstant, avukati għandhom xorta jottemperaw ruħhom ma’ termini legali għall-preżentata ta’ l-istess atti.