Wara r-Rebħa tas-Sibt.. Ħamrun S. Diġa Champions Bir-Regoli l-Ġodda U F’Ċirkostanzi Ta’ Forza Maġġuri

 Wara r-Rebħa tas-Sibt.. Ħamrun S. Diġa Champions Bir-Regoli l-Ġodda U F’Ċirkostanzi Ta’ Forza Maġġuri

Wara d-diskussjoni ma’ tieqafx u l-kontroversja kbira li ġab miegħu it-tmiem tal-Kampjonat 2019/2020 l-istaġun li għadda, qabel ma’ eventwalment Floriana ġew dikjarati Champions fuq il-mejda b’deċiżjoni unanima tal-Kunsill tal-MFA, l-istess entita qabel il-bidu ta’ dan l-istaġun ħadet il-miżuri kollha neċessarji b’regolamentazzjoni ġdida fl-eventwalita li l-ġrajjiet tal-istaġun li għadda ma’ jerġgħux jirrepetu ruħhom.

Kien propju bħal daż-żmien, it-tieni ġimgħa ta’ Marzu 2020 meta minħabba l-imxija tal-COVID-19 l-istaġun tal-Futbol Malti twaqqaf ħesrem u qatt ma’ reġa tkompla, biex wara ħafna diskussjoni u kulħadd jgħid tiegħu, bl-esperti fuq is-suġġett, inklużi l-famużi ‘key-board warriors’ ifaqsu minn kullimkien, naturallment kulħadd jikkumenta skont dak li jaqbel lilu u l-klabb favorit tiegħu, ittieħdet id-deċiżjoni li prattikament ġibdet l-attenzjoni ta’ pajjiż sħiħ.

Kien propju fil-laqgħa tal-Kunsill tal-MFA ta’ nhar il-25 ta’ Mejju, 2020 li r-rappreżentanti tal-klabbs membri vvutaw favur il-proposta li minħabba dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u bla preċedent tal-pandemija, t-timijiet li qabel twaqqaf b’mod prematur l-istaġun kienu jinsabu fil-quċċata tal-Kampjonat rispettiv tagħhom, kellhom jiġu nkurunati Champions.

Deċiżjoni li ppremjat lil Floriana Champions tal-Futbol Malti, Żejtun Corinthians Champions tal-aħħar Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, Marsa FC Champions tat-Tieni Diviżjoni, Attard FC Champions tat-Tielet Diviżjoni.

Minn hemm il-quddiem it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni ġew aboliti biex minn dan l-istaġun ġie ntrodott l-Amateur League li diġa ra lil Luqa St. Andrews dikjarati Champions, promossi magħhom l-istaġun li ġej fiċ-Challenge League, Mġarr United, Melita u Rabat Ajax.

Intant lura għall-ġrajjiet ta’ qabel is-sajf li għadda, hekk kif minnufih skatta proċess għal dik li hija magħrufa bħala ‘Force Majeure’, forza maġġuri f’ċirkostanzi straordinarji għall-futur, b’regolamentazzjoni ġdida li tħares l-eventwalita li sitwazzjonijiet u kontroversji li qamu fl-istaġun li għadda minħabba l-COVID 19 u s-sospensjoni tal-kompetizzjonijiet, ma’ jerġgħux jinqalgħu.

Ir-regolamenti l-ġodda għall-futur f’każ li l-kompetizzjonijiet jitwaqqfu b’mod prematur f’ċirkostanzi ta’ ‘Force Majeure’, kif ġara s-season li għadda minħabba l-COVID19, jistipulaw fost l-oħrajn, li t-tim li jkun qed jokkupa l-ewwel post jekk ikunu ntlgħabu 75% tal-partiti mill-Kampjonat, bla paroli ta’ xejn jiġi dikjarat Champion.

F’każ iżda, li t-threshold ta’ 75% tal-logħbiet ma’ jkunx intlaħaq, allura f’dik l-eventwalita l-Kampjonat jiġi dikjarat null (qishu qatt ma’ beda), dejjem jekk dak it-tim fl-ewwel post fid-diviżjoni partikolari tiegħu ma’ jkunx diġa matematikament rebaħ il-Kampjonat.

Kien propju fil-programm ta’ partiti li għadda minn Match Day 23 tal-Kampjonat BOV Premier fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet li t-threshold ta’ 75% tal-logħbiet inqabeż, dan ifisser li r-rebħa mportanti 1-0 li Ħamrun Spartans kisbu fuq l-isfidanti l-oħra Hibernians is-Sibt li għadda kellha aktar mis-sinjifikat tal-punti, għax issa l-Ħamruniżi moħħom mistrieħ li jekk il-Kampjonat minħabba l-pandemija jerġa jitwaqqaf b’mod prematur u naturallment ma’ jitilfux dan il-vantaġġ komdu ta’ ħames punti li għandhom bħalissa fil-quċċata tal-klassifika, allura l-Ħamruniżi kollha jafu li minn issa l-quddiem l-ebda pandemija jew forza maġġuri oħra mhi se twaqqafhom mill-glorja u s-sodisfazzjon tat-titlu dan l-istaġun.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com