100 Sena Mill-Mewt Ta’ Manuel Dimech

 100 Sena Mill-Mewt Ta’ Manuel Dimech

Illum qed jitfakkar il-100 sena mill-mewt ta’ Manuel Dimech.

Deskritt bħala soċjalist, filosfu, ġurnalist, kittieb, poeta u riformatur soċjali, Dimech kien twieled il-Belt u trabba f’ħafna faqar u illitteriżmu.

Għex l-ewwel snin ta’ ħajtu fil-ħabs fuq reati ta’ serq u anke qtil involontarju. Waqt li kien maqful f’Kordin, huwa tgħallem jikteb u jaqra.

L-aħħar darba li ħareġ mill-ħabs kien fl-età ta’ 36 sena, u beda jgħallem u jippublika, filwaqt li sar figura prominenti fil-ħajja pubblika ta’ Malta.

Dimech tkellem ħafna fuq il-kwistjonijiet soċjali li kien qed jaffaċċja l-poplu Malti, u ħabba f’hekk kellu appoġġ kbir.

Kien jemmen f’poplu indipendenti, filwaqt li ried li tidħol il-paga minima, li l-ġurnata tax-xogħol tkun ta’ 8 sigħat, li jinbnew djar għall-ħaddiema, li jinqerdu d-drawwiet qodma, li n-nisa Maltin ikunu daqs l-irġiel, u xerred ideat ġodda ta’ progress.

Dawn l-ideat wassluh biex ikollu xi jgħid mal-Knisja Kattolika u l-gvern kolonjali ta’ Malta, fejn safa skomunikat, arrestat u eżiljat lejn l-Eġittu.

Hemmhekk, saħtu marret lura ħafna, u propju 100 sena ilu miet waħdu fi stat ta’ miżerja ‘l bogħod minn familtu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com