Aktar Kliniċi Ta’ Kontinenza Fil-Komunità U Żieda Fl-Għażla Ta’ Prodotti Ssussidjati

 Aktar Kliniċi Ta’ Kontinenza Fil-Komunità U Żieda Fl-Għażla Ta’ Prodotti Ssussidjati

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li d-Direttorat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fetaħ ir-raba’ klinika li toffri servizzi u għajnuna relatati mal-kontinenza fil-komunità.

Qal li minbarra l-kliniċi li nfetħu fiż-Żurrieq, il-Mosta u l-Ħamrun, issa nfetħet ukoll klinika oħra għall-klijenti fit-Tramuntana ta’ Malta, fil-Mellieħa. Dan minbarra żieda li l-klijenti se jkollhom fl-għażla ta’ prodotti ta’ kontinenza skont il-bżonnijiet tagħhom. Huwa kkalkolat li hemm madwar 5,000 klijent li bħalissa qed jibbenefikaw minn dawn il-benefiċċji.

“Wara li jsir assessjar fuq il-persuna, l-infermiera jaraw liema tip ta’ skema jkollha bżonn u tingħata l-prodott skont il-bżonnijiet tagħha, servizz li se nassiguraw li ħa nkomplu ntejbu għal ħajja aktar komda”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar ukoll li se jkun qed jinxtara portable bladder scanner biex dan is-servizz ikun qed jingħata wkoll mill-kliniċi tal-kontinenza ħalli l-pazjenti jkollhom l-aħjar attenzjoni għall-kundizzjoni tagħhom.

L-Iskema A tipprovdi intitolament għal provvista ta’ prodotti kompletament issussidjati. L-individwi eliġibbli jeħtieġ li jkollhom fil-pussess tagħhom Karta tal-Identità Speċjali-UE valida (SID-UE) maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), u li jsofru minn inkontinenza kif iċċertifikat mit-tabib tagħhom. L-Iskema B tipprovdi intitolament għal provvista ta’ prodotti parzjalment issussidjati wara valutazzjoni tal-kontinenza ħolistika. F’dan il-każ, l-individwi eliġibbli jridu jkunu ċittadini anzjani ta’ ‘l fuq minn 60 sena u li jbatu minn inkontinenza kif iċċertifikat mit-tabib ġenerali tagħhom.

Il-proċess taż-żewġ skemi jibda fiċ-Ċentru Servizz Anzjan fejn jaslu l-applikazzjonijiet kollha u jiġu pproċessati biex jaraw liema skema jkunu intitolati għaliha. Sal-lum saru 607 żjarat fid-dar tal-klijenti, filwaqt li jingħata s-servizz ukoll fid-djar tal-anzjani.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 2278 8800 jew jibgħat email fuq [email protected].

Jakkumpanja lill-Ministru Michael Farrugia kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com