Alex Agius Saliba Jinħatar Koordinatur Tal-S&D Fil-Proċess Ta’ Riforma Plenarja
Il-MPE Laburista Alex Agius Saliba nħatar biex jirrappreżenta lill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fi proċess ġdid ta’ riflessjoni “Il-Parlament wara l-pandemija tal-COVID-19.”
Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, nieda din l-inizjattiva biex tinħoloq riflessjoni wiesgħa mill-qiegħ dwar “Reviżjoni tad-Demokrazija tal-Parlament – Parlament Ewropew aktar b’saħħtu wara Covid-19.”
Fi stqarrija, il-MPE Agius Saliba qal: “Nemmen li din hija opportunità biex immexxi ‘l quddiem ideat li jistgħu jwasslu għal Parlament aktar reżiljenti u effettiv li jkun ukoll ippreparat aħjar biex jittratta kriżijiet jew avvenimenti futuri.”
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikkunsidra mill-ġdid kif il-Parlament għandu jkun qed jaħdem wara l-pandemija tal-COVID abbażi tal-ħidma ta’ ħames gruppi ta’ riflessjoni magħmula minn Membru wieħed nominat minn kull partit politiku. Alex Agius Saliba huwa l-MPE magħżul mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi biex jipparteċipa fil-grupp inkarigat mir-riformi plenarji.
Il-MPE Agius Saliba qal li s-sena l-oħra kienet sena ta’ prova għall-Ewropa u l-istituzzjonijiet tagħha, peress li ħadd ma kien lest għall-perjodu ta’ lockdown, u kulħadd kellu jaġġusta għar-realtajiet ġodda tax-xogħol b’mod diġitali. Huwa spjega li fil-bidu, il-Parlament Ewropew sabha diffiċli biex jorganizza u jkompli bil-ħidma fil-Kumitati u fil-Plenarja, iżda b’xorti tajba ma damx wisq biex ġie kollox għall-aħjar u bis-saħħa ta’ dan il-proċess, il-Parlament irnexxielu jirreaġixxi u jmexxi ‘l quddiem riformi importanti li għenu lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha jirkupraw matul dawk ix-xhur diffiċli.
“Dan l-eżerċizzju ta’ riflessjoni ġie f’mument propizju biex naħsbu mill-ġdid x’għamilna tajjeb u x’jista’ jsir aħjar. Il-ħidma tiegħi f’dan il-grupp ser tkun immirata biex twassal għal rakkomandazzjonijiet u titjib fit-trasparenza, fil-Plenarja u fil-Kumitati Parlamentari. Nittama li flimkien mal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi se jkollna rwol attiv u importanti, u l-ħidma tagħna se tidħol fil-proċess ġenerali ta’ riforma Parlamentari.” qal il-MPE Agius Saliba.