Avukat Akkużat Li Ħareġ Digrieti Ta’ Differiment Foloz

 Avukat Akkużat Li Ħareġ Digrieti Ta’ Differiment Foloz

L-Avukat Amadeus Cachia tressaq il-Qorti mixli li ffalsifika digrieti tal-Qorti Kostituzzjonali b’seduti fittizji, bil-ħsieb li jinganna lill-klijenti tiegħu li qegħdin jiskontaw sentenza fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin.

Fil-Qorti ntqal li Cachia kien jiffalsifika digrieti tal-Qorti Kostituzzjonali u jgħaddihom lill-ħabs biex jgħadduhom lill-klijenti tiegħu. Id-digrieti foloz kienu jgħidu li bdiet il-kawża Kostituzzjonali tal-klijent in kwistjoni u b’hekk Cachia kien jieħu l-flus lill-klijenti.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi George Frendo u Wayne Borg, qalet li rċeviet rapporti minn uffiċjali tal-ħabs dwar digrieti li bagħat l-avukat Amadeus Cachia b’informazzjoni dwar differimenti ta’ seduti. Żiedet tgħid li meta l-uffiċjali tal-ħabs iċċekkjaw ma’ uffiċjali tal-Qorti dwar is-seduti, instab li dawn is-seduti ma kinux jeżistu.

L-investigazzjoni tal-pulizija wasslet biex sar magħruf li l-email bid-digrieti foloz oriġinaw mill-IP address ta’ Cachia. Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li jafu b’ħames okkażjonijiet ta’ digrieti foloz li tnejn minnhom instab li ntbagħtu mid-dar tal-avukat fil-Qrendi.

Amadeus Cachia ta’ 31 sena wieġeb li mhux ħati tal-akkużi. L-avukati difensuri, Stephen Tonna Lowell u Marion Camilleri talbu għal divjett fuq isem l-akkużat għax argumentaw li l-każ għalkemm jikkonċerna lil Amadeus waħdu, jista’ jixħet dell ikrah fuq il-kumpanija legali li jaħdem magħha.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli ċaħdet it-talba filwaqt li laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet ewlenin fosthom li ma javviċinax lix-xhieda tal-prosekuzzjoni li jinkludu tliet imħallfin, uffiċjali tal-Qorti, uffiċjali tal-ħabs u priġunieri klijenti tal-avukat.

Fil-każ tal-Imħallfin, il-Qorti ordnat lil Cachia li la għandu jidħol fl-awla tagħhom u lanqas fis-sigrieta. Il-Qorti ordnat ukoll divjett fuq l-ismijiet kollha tax-xhieda f’dan il-każ. Cachia ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €10,000.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com