Bidla Fid-Direzzjoni Tinżel Għasel Mal-Mostin
Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta hija dik it-triq li minn ġol-qalba tal-Mosta, propju biswit is-Santwarju Bażilika ta’ Santa Marija, tiħdok fil-periferija tal-istess lokalità.
Jirriżulta li dan mhux dejjem kien il-każ, hekk kif diversi snin ilu, id-direzzjoni ta’ din it-triq kienet lejn ir-Rotunda, u għaldaqstant tidħol fil-Mosta tħares lejn ir-Rotunda, kif spjega Jason Micallef fuq Facebook.
Hekk kif bħalissa għaddej xogħol kbir fl-istess lokalità, li għandu jdum minn tal-inqas sitt xhur, id-direzzjoni ta’ din l-istess triq inbidlet għal kif kienet fil-passat.
Biex issa, kull min ikun dieħel il-Mosta minn dit-triq, japprezza iktar is-sbuħija tal-Bażilika hekk kif dejjem joqrob iktar lejha, u mhux jitbiegħed minnha kif kienet sa ftit taż-żmien ilu.
F’kummenti ma’ Strada Rjali, is-Sindku Romilda Zarb spjegat kif, għalkemm din il-bidla mhix waħda finali, il-Partit Laburista kien wiegħed li d-direzzjoni ta’ Triq il-Kungress Ewkaristiku tinbidel għal kif qiegħda bħalissa.
Għaldaqstant, dan il-perjodu li fih hemm dil-qalba qed iservi ta’ esperiment sabiex dawk kollha li jużaw din it-triq, speċjalment il-Mostin, ikunu jistgħu jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom.
Iżda sa mill-ewwel ġranet diġa qed jinħass is-sentiment favur li d-direzzjoni tibqa’ kif inhi bħalissa.
Inti x’taħseb dwar dan?
Ritratt: Jason Micallef / Facebook