Bil-Filmat: Grupp Malti Jdoqq Ma’ Brian May Tal-Queen

Il-grupp The Rock Troupers rrekordjaw kanzunetta flimkien ma’ Brian May, il-kitarrist prinċipali tal-grupp Queen.
Il-kanzunetta magħżula kienet Hammer To Fall, tal-istess Queen, u saħansitra għamlu filmat ta’ din l-okkażjoni speċjali.
Kien May stess li fuq Instagram għamel sfida sabiex mużiċisti minn madwar id-dinja jippruvaw idoqqu l-kanzunetta miegħu, wara li hu stess daqq it-ritmu tal-kitarra biss.
The Rock Troupers ħatfu din l-okkażjoni wara li kienu ilhom diversi xhur ma jdoqqu għall-udjenza minħabba l-pandemija.
Apparti Patrick Camilleri, Eric Camilleri, Antoine Tonna u Josef Farrugia li jiffurmaw il-grupp, hemm ukoll is-sehem ta’ Tiziana Calleja u Daryl Ebejer bħala kantanti.
Fi stqarrija, il-grupp Malti spjega kif f’dawn iż-żminijiet diffiċli li għaddejja minnhom l-arti u l-kultura, għal The Rock Troupers dan kien mezz sabiex jerġaw jagħtu gost lis-segwaċi tagħha.