Bil-Filmat: Malta Kapaċi Tkun L-Iktar Pajjiż Sigur Das-Sajf

 Bil-Filmat: Malta Kapaċi Tkun L-Iktar Pajjiż Sigur Das-Sajf

Waqt intervista fuq l-istazzjon Amerikan CNBC, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li sas-sajf li ġej, Malta se tkun fost l-iktar pajjiżi siguri li wieħed jista’ jżur.

Huwa u jitkellem fuq is-settur turistiku, spjega li dan għandu jinfetaħ b’mod gradwali u bl-iktar mod sigur possibbli.

Fearne fakkar li bħalissa diġa hemm restrizzjonijiet għal min jasal fil-pajjiż, filwaqt li dawn jistgħu ikunu inqas għal dawk li jkunu mlaqma.

Id-Deputat Prim Ministru nnota li Malta hija favur iċ-ċertifikat tal-vaċċin, hekk kif dan joffri livell addizzjonali ta’ sigurtà kemm għall-komunità u kif ukoll għat-turisti.

Il-preżentaturi ma naqsux milli jagħmlu referenza għal dak li ntqal mill-Kanċillier Awstrijakk Sebastian Kurz fuq Malta. Fearne fakkar li pajjiżna għamel użu mill-opportunitajiet kollha li kien hemm tal-Joint Procurement tal-Unjoni Ewropea, u li dawn l-opportunitajiet kienu offruti lill-istati membri kollha.

Appella li dan mhux żmien ta’ battibekki fuq il-vaċċin, iżda żmien ta’ demokrazija, hekk kif għandna tellieqa bejn il-vaċċin u l-virus.

Fearne irrimarka li Malta ilha s-snin titkellem favur il-Joint Procurement, u kellha tkun il-pandemija biex l-Unjoni Ewropea taddotta dan il-proċess għall-ewwel darba.

Temm jgħid li pajjiżna diġa beda jaħdem fuq pjan sabiex ikunu indirizzati dawk il-każijiet li mhux relatati mal-COVID-19, u li ħabba l-pandemija kellhom jitpoġġew fil-ġenb.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com