€200,000 Minn Fondi Għar-Riċerka Joħolqu Prodott Ġdid Fil-Qasam Tal-Aċċessorji Tal-Prodotti Elettroniċi

 €200,000 Minn Fondi Għar-Riċerka Joħolqu Prodott Ġdid Fil-Qasam Tal-Aċċessorji Tal-Prodotti Elettroniċi

Finanzjament ta’ €200,000 minn fondi għar-riċerka mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) kienu kruċjali għall-ħolqien ta’ kollaborazzjoni bejn kumpanija lokali bl-isem New Energy Limited u inġiniera żgħażagħ mill-Università ta’ Malta li wasslet biex jiġi żviluppat prodott ġdid għas-swieq lokali u internazzjonali fil-kamp tal-aċċessorji tal-prodotti elettroniċi. Fl-istess waqt qed isiru studji ulterjuri biex dan il-prodott ikun jista’ jiġi użat fil-qasam tat-trasport tal-vaċċin tal-COVID-19.

Dan il-proġett iġib l-isem ta’ ICECAP (thermoelectrIc Cooler for eLECtronic Applications) u għandu l-għan li jwassal għall-manifattura ta’ prodott ġdid bl-intenzjoni li jkun kummerċjalizzat fis-swieq lokali u internazzjonali. Dan il-prodott huwa sistema ta’ refriġerazzjoni ċkejkna biżżejjed li tkun tista’ tinġarr b’faċilità biex tkessaħ prodotti elettroniċi bħal cameras, bil-għan li titjieb il-prestazzjoni tal-prodott.

Oriġinarjament it-teknoloġija ġiet żviluppata biex tkessaħ image sensors u processors. Kif bdiet il-pandemija tal-COVID-19, it-tim apprezza li l-istess teknoloġija tista’ tintuża fil-qasam mediku biex tkessaħ kunjetti tal-vaċċin. Dan wassal biex jiġu żviluppati prodotti għall-istess industrija inkluż it-tagħmir għat-trasport tal-vaċċin.

Fi żjara tal-Ministru Owen Bonnici fil-fabbrika ta’ New Energy Limited bħala parti mill-kampanja ‘Insaħħu lill-Ħaddiem’, it-tim żvela mudell bikri għal tagħmir tat-trasport tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li ġie ddisinjat apposta biex jinġarr minn ħaddiema mediċi f’postijiet remoti. Il-prodott beda f’Settembru li għadda u l-iżvilupp għadu fil-bidu. Għaldaqstant l-ewwel prototipi qed jiġu mfasslin, bl-ewwel testijiet ippjanati għas-sajf.

Dr Bonnici ltaqa’ mat-tim ta’ inġiniera li urewh l-aħħar żviluppi tar-riċerka tagħhom marbuta mal-proġett ICECAP u urew kif dawn irnexxielhom isibu mod innovattiv kif iċekknu s-sistema u jżidu l-effiċjenza sal-punt fejn jistgħu jilħqu temperaturi baxxi.

Il-Ministru Bonnici qal li waqt il-pandemija, il-gvern mhux biss għen lill-intrapriżi u lin-negozji, imma anke kompla jinvesti fihom u fit-talent tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. “Matul il-pandemija l-gvern intervjena sabiex nipproteġu u nħarsu l-postijiet tax-xogħol tant li llum Malta hija wieħed minn tliet pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn l-impjiegi żdiedu u mhux naqsu. Fl-istess waqt il-gvern kompla għaddej bi proġetti bħal dawn li jinvestu fil-futur u fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda li mbagħad jiġu kummerċjalizzati,” sostna Dr Bonnici.

Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici ltaqa’ wkoll mat-tmexxija u mal-ħaddiema tal-kumpanija New Energy Limited u filwaqt li rringrazzjahom ta’ xogħolhom, faħħar il-ħidma eċċellenti tagħhom fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Fis-snin li għaddew, New Energy Limited iddisinjat u ħolqot ukoll il-prodott BLUESHAPE li jikkonsisti minn chargers u aċċessorji oħra biex il-batteriji jiġu mmuntati mal-cameras u ma’ sistemi innovattivi ta’ software għall-monitoraġġ u għall-ittestjar tal-istess batteriji, bil-għan li jagħtu l-aħjar riżultati lil min jaħdem fil-qasam tax-xandir. Illum BLUESHAPE saret waħda mill-aqwa marki mad-dinja f’dak li hu ħolqien u manifattura ta’ batteriji, chargers u apparat ieħor għall-produzzjoni fiċ-ċinema.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com