EUROVISION 2021: Se Jkun Hemm Udjenza Preżenti Fis-Sala Minkejja L-Pandemija
Minkejja li sa ftit tal-jiem ilu kien mifhum li din is-sena l-Eurovision ser ikun qed isir mingħajr udjenza, għajr għall-familjari jew ħbieb intimi tal-parteċipanti, jidher li fl-aħħar ħin din id-deċiżjoni inbidlet.
L-organizzaturi tal-Eurovision qalu se jkunu jistgħu jidħlu fis-sala u jsegwu l-Eurovision live madwar 3,500 ruħ.
Din is-sena l-Eurovision se jkun qed isir fit-18, fl-20 u fit-22 ta’ Mejju f’Rotterdam, l-Olanda.
Bla dubju n-numru ta’ persuni li se jitħallew jidħlu huwa wieħed żgħir meta wieħed jikkunsidra l-kobor tal-arena. B’hekk se jkun hemm lok għal distanza soċjali u sabiex jitħarsu r-restrizzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa Olandiżi.
L-organizzaturi tal-Eurovision qalu li din id-deċiżjoni qed tittieħed abbażi tas-sitwazzjoni preżenti u b’hekk wissew li dejjem jibqa’ l-possibilità li jinbidlu l-affarijiet u jkollha tinbidel din id-deċiżjoni.
Din is-sena pajjiżna, permezz tal-kanzunetta ‘Je Me Casse’ kantata minn Destiny, qed jissemma bħala l-aktar pajjiż favorit biex jerbaħ il-Eurovision Song Contest. Għaldaqstant, il-fans Maltin li ta’ kull sena jitilgħu għall-Eurovision kienu tassew diżappuntanti li din is-sena, is-sena li għandna l-akbar ċans li nerbħu, ma kinux se jkunu preżenti.
Nittamaw li d-deċiżjoni, diment li hija waħda sikura, tinżamm sabiex Destiny jkollha aktar persuni jtuha s-sapport minn ġewwa l-Ahoy Arena f’Rotterdam.