Fażi Oħra Fit-Tiġdid Tal-PBS
Ir-riforma biex il-Public Broadcasting Services isaħħaħ l-operat tiegħu u joffri servizz ta’ iktar kwalità se jidħol għal fażi ġdida fejn l-enfasi issa se tkun fuq l-implimentazzjoni.
Il-Bord ħadem fuq pjan ta’ tiġdid li issa ġie approvat, u saħansitra kien iffirmat ftehim għall-ħames snin li ġejjin fejn il-gvern qed jikkommetti kważi €30 miljun bħala parti mill-Public Service Obligation (PSO).
Huwa issa li hemm il-viżjoni mfassla li wieħed jista’ jiffoka iktar fuq il-bidliet meħtieġa. Bħala parti minn dan il-proċess se jinħatar chairperson eżekuttiv. Dan se jkun Dr Mark Sammut, li għandu esperjenza fl-immaniġġjar, process reengineering u l-implimentazzjoni.
Għalhekk, ir-rwol attwali ta’ kap eżekuttiv se jiġi emendat ħalli jkun jirrifletti din il-bidla. Fil-fatt, is-Sur Charles Dalli se jkun Chief Operations Officer inkarigat mir-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Internalizazzjoni. Dan ir-rwol huwa meħtieġ biex isir l-investiment ħalli titħaffef l-immodernzzazzjoni tal-istazzjonijiet nazzjonali, anke fuq livell tekniku.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela awgura lil Dr Sammut u qal li hu konvint li l-esperjenza tiegħu se tkun strumentali għall-PBS. Il-ministru rringrazzja wkoll lill-Prof. Carmen Sammut li ħadmet u wasslet il-pjan ta’ tiġdid u riforma għall-approvazzjoni, u tenna li l-esperjenza u l-għarfien tagħha fis-settur se jibqgħu jkunu meħtieġa.
Il-viżjoni tal-gvern għall-istazzjon nazzjonali tibqa’ dik li mhux biss ikun l-iktar stazzjon segwit iżda li jibqa’ joffri xandir ta’ kwalità u tagħrif imparzjali u tal-ogħla livell lis-segwaċi kollha tiegħu.