Fondi Ewropej investiti għall-Akkomodazzjoni Soċjali – Stefan Zrinzo Azzopardi

 Fondi Ewropej investiti għall-Akkomodazzjoni Soċjali – Stefan Zrinzo Azzopardi

Matul din l-aħħar sena, dan il-Gvern investa aktar minn biljun ewro f’nefqa fuq benefiċċji soċjali. Il-Fondi Ewropej qed ikomplu jintużaw biex isaħħu l-isforz tal-Gvern f’dan is-settur, hekk kif flimkien mal-benefiċċji soċjali qed ninvestu wkoll biex intejbu l-akkomodazzjoni soċjali u nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk l-aktar vulnerabbli.

F’dan il-qasam għaddejjin diversi xogħlijiet f’diversi bliet u rħula, b’investiment ta madwar €10 miljun kollha fondi Ewropej. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-istallazzjoni ta’ lifts biex itejbu l-aċċessibiltà għal dawk kollha li joqogħdu f’dawn l-appartamenti flimkien ma’ titjib u tisbieħ tal-partijiet komuni ta’ diversi blokok.

Il-ġimgħa li għaddiet, ħabbarna parti minn dan l-investiment fl-ammont ta’ żewġ miljuni, li se jiġu investiti fi blokok appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali fil -Mosta, Santa Luċija u l-Marsa. Dawn il-proġetti huwa mistenni li se jgawdu minnhom madwar 360 familja biex b’hekk nipprovdu livell ta’ għajxien aħjar, mhux biss għal dawk li jgħixu f’dawn l-appartamenti iżda anki għan-nies tal-madwar. Ix-xogħlijiet se jinkludu wkoll pavimentar ġdid u landscaping, stallazzjoni ta’ bankijiet u lamp posts u aċċessorji relatati. Dan filwaqt li nieħdu ħsieb li dawn l-ispazji kif ukoll il-blokkok tal-madwar ikunu aċċessibbli minn persuni bi bżonnijiet speċjali.

Bħalissa għaddej ukoll proġett ieħor iffinanzjat b’fondi Ewropej fil-Belt Valletta relatat mal-akkomodazzjoni soċjali bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tan-naħa ta’ isfel tal-Belt. Permezz ta’ dan il-proġett qed isir restawr tal-faċċati tal-Blokki tal-Appartamenti tal-post magħruf bħala Fuq il-Blata fil-Belt Valletta, flimkien ma’ titjib ta’ faċċati u żoni komuni ta’ Blokki tad-Djar fi Pjazza Mattia Preti.

Dawn il-proġetti huma prova ċara li dan il-gvern jibqa’ dejjem viċin tan-nies u dejjem qiegħed hemm biex jisma’ u jaġixxi fejn hu meħtieġ. Dan huwa gvern b’ruħ soċjali kommess li jkompli jaħdem biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil Maltin u Għawdxin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com