Futbol Lokali – It-Triq Il-Quddiem Wara L-Proposti tal-Eżekuttiv Għall-Kampjonati 

 Futbol Lokali – It-Triq Il-Quddiem Wara L-Proposti tal-Eżekuttiv Għall-Kampjonati 

L-eżitu tal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA it-Tlieta ħalliet aktar dubji milli ċertezzi.

Jidher li l-membri tal-Eżekuttiv qablu fil-prinċipju ma’ dawk li sa issa huma proposti mressqa mill-Bureau fir-rigward tal-komposizzjoni tal-Kampjonati fl-istaġun li ġej, komposizzjoni transitorja, liema proposti jwasslu għal struttura fissa tal-Kampjonati mill-istaġun ta’ wara 2022/23, dejjem jekk sa’ dak iż-żmien il-pandemija tkun ħallietna u l-Futbol ma’ jerġax jitwaqqaf f’nofsu mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-pass li jmiss issa huwa li l-proposti mressqa quddiem l-Eżekuttiv it-Tlieta, jiġu diskusi fl-Istanding Committee taż-żewġ Kampjonati rispettivi qabel ma’ jerġa jkun il-Kunsill (bħall-istaġun li għadda f’ċirkostanzi differenti u aktar komplikati għax lanqas biss kien hemm ir-regolament tal-Forza Maġġuri), li jiddeċiedi u jivvota favur jew kontra l-proposti mressqa.

Sa issa u minn dak indikat fil-media jidher li hemm propost Kampjonat Premier bi tnax-il tim, Challenge League bi 22 maqsuma f’żewġ sezzjonijiet fejn hawnhekk jidħol il-co-efficient biex jiġi evitat m’għandhix xi ngħidu li l-polza timmaterjalizza f’żewġ Kampjonati żbilanċjati u li ma’ jagħtux stampa ċara tas-saħħa u/jew djufija tat-timijiet.

In-National Amateur League jidher li l-anqas li hemm problemi dwaru, l-istess komposizzjoni tal-istaġun li għadda, bid-differenza li minn 22 jinżel għal Kampjonat bi dsatax-il tim.

Iżda kollox jiddependi mill-ħames klabbs l-aktar milquta mnn dan it-tibdil, f’xenarju li qajjem rabja kbira speċjalment fil-kamp ta’ Żejtun Corinthians u Marsa, nifhmu li dawn il-klabbs bl-appoġġ tat-tlieta l-oħra se jkunu qed iressqu mozzjoni kontra dak propost hekk kif se jibqgħu jitolbu li magħhom issir dak li skont huma qed jiġu mċaħħda minnha, jiġifieri ġustizzja sportiva.

U sa ċertu punt tifimhom ukoll, dawn il-klabbs bħal oħrajn wara kollox għamlu spejjeż kbar, investew l-eluf biex ikunu kompettitivi, biex issa tali verdetti, jekk dak propost jiġi ssiġillat iwassal għal telf ta’ sponsors u riperkussjonijiet oħra, għaliex kif jgħid il-Malti, minn kull fejn taqta se joħroġ id-demm.

Min-naħa tagħha l-MFA imxiet b’korrettezza kbira f’dan kollu bir-regolament ċar maqbul is-sena li għaddiet u li jiskatta f’ċirkostanzi ta’ Forza Maġġuri, d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu, madankollu Żejtun Corinthians, Tarxien Rainbows, Lija Athletic, Marsa u Pembroke żgur li mhux se jieqfu hawn u jaħsbuha differenti.

Il-ġimgħat li ġejjin mistennija jkunu mqanqla qabel ma’ finalment il-Kunsill u sussegwentament il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association japprovaw il-komposizzjoni l-ġdida għall-Kampjonati fl-istaġun li ġej, 2021/22.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com