Ħamrun Spartans Jappella Għal Kawtela U Responsabilità Mill-Partitarji
RITRATT – Mark Zammit Cordina
Appell ċar lill-Ħamruniżi kollha għal kawtela u responsabilita l-ħin kollu wara d-deċiżjonijiet li mistennija jittieħdu aktar tard illum mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MaltaFA.
Tkun xi tkun id-deċiżjoni u fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija, l-partitarji bil-fatti jridu juru responsabilita u maturita.
Il-klabb ta’ Ħamrun Spartans flimkien mal-Kunsill Lokali fl-istess lokalita se jkun qed iżomm anke laqgħat mal-uffiċjali tal-pulizija biex ikun żgurat il-ħin kollu li ma’ jsir xejn li jmur kontra d-direttivi tas-saħħa.
Il-klabb jagħmilha ċara li mhu qed jippromwovi l-ebda attivita organizzata u min issa jikkundanna tali attivitajiet kemm-il darba se jkun hemm min qed jorganizzhom.
Jappella lill-partitarji Ħamruniżi biex kemm-il darba d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-MFA tkun li tiddikjara lil Ħamrun Spartans bħala Champions tal-Futbol Malti, jesprimu biss lilhom infushom b’konformita mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u bl-ebda mod kontra dawn l-istess direttivi.
Fl-eventwalita li l-Kampjonat jiġi mirbuħ se tkun qed tinstab data aktar ‘l quddiem li matulha jkun hemm iċ-ċans, kemm-il darba d-direttivi jkunu jippermettu dan, li ssir ċelebrazzjoni organizzata.
“Illum huwa ċ-ċans li l-poplu Ħamruniż juri lil Malta u Għawdex kollha kawtela u responsabilita”, temmet tgħid l-istqarrija ta’ Ħamrun Spartans.