“Il-Belt Valletta Qed Tmut … Se Jfallu N-Negozji” – Jason Micallef
“Il-Belt Valletta qed tmut. Jeħtieġ li kulġadd jifhem qabel se jkun tard wisq. Qed iweġġgħu mijiet ta’ nies u l-familji tagġhom”. Hekk sostna Jason Micallef, ic-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta f’kumment fuq il-midja soċjali u b’ritratti li juru l-Belt Valletta vojta.
Jason Micallef sostna “se jfallu n-negozji (jekk mhux diġa’) u l-ebda rkupru ekonomiku tajjeb kemm ikun tajjeb mhu se jsalvahom”, żied jgħid li “dan hu appell sinċier u mill-qalb”.
Jason Micallef qal li bejn l-2013 u l-2020 fil-Belt Valletta twettaq qawmien ekonomiku, soċjali, u kulturali li qatt qabel ma rajna bħalu. Żied jgħid li kien possibbli biss, “għax konna nafu x’qed nagħmlu, kif, u fejn irridu mmorru”.
Qal ukoll li s-suċċess fil-Belt Valletta fl-aħħar 8 snin seħħ ukoll bis-saħħa tal-Gvern, il-privat, is-settur kulturali, artisti, u ohrajn.
Jason Micallef temm jgħid “nappella lill-awtoritajiet biex issa wara tant u tant sagrifiċċji u tbatija, ifittxu l-bilanċ tal-istampa kollha, mhux il-parti tas-saħħa biss. L-ispazji kulturali, ristoranti fil-Belt Valletta għandhom jiftħu mit-Tnejn 3 ta’ Mejju li ġej”, sostna Jason Micallef.