Il-Gvern Jiffinanzja Ktieb Minn Persuna Nieqsa Mid-Dawl
Illum hu l-Jum Internazzjonali għall-Klieb Gwida (International Guide Dog Day). Il-klieb gwida jipprovdu opportunitajiet biex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jinteraġixxu soċjalment u jkollhom iżjed indipendenza. Fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja ffinanzja ktieb miktub minn Alfred Reale, eks suldat li sitt snin ilu tilef id-dawl t’għajnejh, bil-għan li l-qliegħ kollu tiegħu jmur għall-Malta Guide Dogs Foundation. Dan ir-rumanz jismu “Is-Sigriet tas-Siġill” u se jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ferħet lis-Sur Reale, għall-fatt li ma ħalliex id-diżabilità tiegħu tfixklu milli jikteb dan il-ktieb. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-Ministeru huwa kburi li ffinanzja dan il-ktieb, liema ktieb se jgħin lill-fondazjoni tkompli bil-ħidma tagħha billi l-flus kollha mill-bejgħ tiegħu jmorru għaliha.
Alfred Reale huwa attiv fi tliet għaqdiet mhux governattivi. Huwa membru tal-kumitat Malta Guide Dogs Foundation u membru tat-Torball Society for the Blind u tal-Malta Society of the Blind. Hu qal li jaf personalment kemm hemm bżonn li jingħataw fondi lil Malta Guide Dogs Foundation biex jipprovdu klieb gwida lil persuni li għandhom bżonn għajnuna ta’ gwida u wkoll il-benefiċċji li joffru l-klieb gwida għax fl-2019 il-Malta Guide Dogs Foundation tatu lil Adel, kelba gwida adorabbli li tatu ħafna aktar mobilità.
Joseph Stafrace l-President tal-Malta Guide Dogs Foundation fakkar fuq l-importanza li meta persuna tara kelb gwida ma tmissux biex ma ttelfux mill-ħidma uffiċjali tiegħu.
Ritratt: DOI