Il-Gvern Se Jgħin Finanzjarjament Lit-Tlett Għaqdiet Li Sofrew L-Impatt Tal-Problema Teknika Tal-GO
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru llum tħabbar li l-gvern qed jimpennja ruħu sabiex jassisti lit-tliet organizzazzjonijiet filantropiċi li sofrew l-impatt ta’ problema teknika fis-sistemi tat-telefonija fi ġbir ta’ fondi li saru ftit tax-xhur ilu.
It-tlett għaqdiet li sofrew minħabba din il-problema teknika huma id-Dar tal-Providenza, il-Malta Community Chest Fund u il-Caritas.
Fid-Dar tal-Providenza l-Prim Ministru sema’ mingħand ir-rappreżentanti tat-tliet organizzazzjonijiet kif din il-problema teknika affettwat il-pjanijiet tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela jistqarr li l-gvern iħoss l-obbligu li ċerti proġetti li kienu maħsuba ma jaqgħux lura u għalhekk se jassigura li jkun hemm inizjattivi biex kemm jista’ jkun l-għanijiet ta’ dawn l-għaqdiet jintlaħqu xorta waħda. Fuq kollox, spjega l-Prim Ministru, dawn huma inizjattivi li fiċ-ċentru tagħhom hemm persuni li jeħtieġu l-għajnuna u l-appoġġ.