Il-Kabinett Tal-Ministri B’Parir Lill-President Biex Ma Jilqax Talba Għall-Proklama Mill-Aħwa Degiorgio U Muscat
Fi stqarrija mill-Gvern ta’ Malta ntqal li: “B’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kabinett tal-Ministri ddeċieda li jagħti l-parir lill-President tar-Repubblika biex ma jilqax it-talba għall-proklama li għamlu s-Sur Alfred Degiorgio, is-Sur George Degiorgio u s-Sur Vincent Muscat.”
Intqal li d-deċiżjoni tal-Kabinett hija wkoll fl-interess nazzjonali u tal-ġustizzja.
Apparti dan, qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru Carmelo Abela ddikjara li fid-dawl tal-allegazzjonijiet bla bażi mressqa dwaru minn Jason Azzopardi u l-kawża ta’ libell li fetaħ kontra tiegħu, iddeċieda li jirrikuża ruħu. Il-Ministru Abela spjega kif ħa din id-deċiżjoni “minkejja li ma hemm ebda raġuni statutorja jew raġuni oħra biex nagħmel dan, iżda biss biex nevita li xi ħadd jogħġbu jixħet suspett ta’ imparzjalità jew dubju fil-ħidma tal-Kabinett.”