Il-Pandemija Ġabet Daqqa Ekonomika ferm Akbar Mill-Kriżi Tal-2008 – Rapport Tal-Bank Ċentrali Ta’ Malta
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ ir-Rapport Annwali tiegħu għall-2020, inkluż ir-rapporti finanzjarji dettaljati tiegħu, dikjarazzjoni tal-ftuħ mill-Gvernatur, analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra, u reviżjoni tal-politiki u l-operazzjonijiet tal-Bank.
Ir-Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li jaffettwaw id-ditti f’Malta, is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u l-karta tal-bilanċ ta’ setturi istituzzjonali differenti. Jinkludi wkoll, għall-ewwel darba; analiżi tal-iżviluppi settorjali fil-produttività tax-xogħol u l-ispejjeż tal-unità tax-xogħol bl-użu ta’ statistika uffiċjali ġdida.
Fil-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna qal li l-pandemija ġabet daqqa ekonomika ferm ikbar mill-kriżi finanzjarja tal-2008.
Intqal ukoll li d-dejn nazzjonali s-sena d-dieħla hu mistenni se jibqa’ taħt is-60% tal-Prodott Domestiku Gross.
Fid-dawl li żdiedu d-depożiti mal-banek b’iktar minn €300 miljun, hu mistenni li din is-sena l-kumpaniji se jinvestu iktar ukoll.
Minkejja t-tnaqqis fil-produzzjoni, l-impjiegi komplew jiżdiedu, għalkemm b’rata aktar baxxa mis-snin ta’ qabel, bl-Iskema ta’ Suppliment tal-Paga (wage supplement) tal-Gvern effettiva fil-prevenzjoni ta’ sensji fuq skala kbira. Anki jekk ir-rata tal-qgħad telgħet sa 4.3%, hija baqgħet sew taħt il-medja storika tagħha u sostanzjalment inqas mir-rata medja fiż-żona tal-ewro.
Ritratt: Central Bank Of Malta