Il-PM Bi Żjara Fil-Libja; Jħabbar Li Ser Terġa’ Tiftaħ L-Ambaxxata Maltija Fi Tripli
Il-Prim Ministru Robert Abela illum mar Tripli fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali Libjan Abdul Hamid Dbeibah.
Id-delegazzjoni li mexxa l-Prim Ministru fil-Libja ddiskutiet diversi temi ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi, fost oħrajn fl-oqsma tal-ekonomija, is-sigurtà u l-immigrazzjoni.
Fil-laqgħa mal-Prim Ministru Dbeibah, il-Prim Ministru Roberta Abela rrimarka kif il-Libja u Malta jibqgħu sħab importanti u hawn esprima s-sodisfazzjon tiegħu li Malta qed terġa’ tiftaħ l-ambaxxata u l-konsulat tagħha fil-kapitali tal-Libja Tripli. Spjega li jħares ’il quddiem biex jerġgħu jibdew it-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi kif is-sitwazzjoni tkun tippermetti.
Il-Prim Ministru Abela tkellem dwar kif il-Gvern Malti jħares ’il quddiem biex jaħdem mal-gvern Libjan fil-ħidma biex il-Libja tmur lura għan-normalità mill-iktar fis. Tenna kif il-Gvern Malti se jgħin lil-Libja b’mod diplomatiku biex il-Libja tixtri dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Spjega l-appoġġ għal-Libja mmexxija mil-Libjani, fil-paċi, b’saħħitha u li tgħix il-prosperità.
“Libja li tgħix fil-prosperità u fil-paċi tfisser ukoll li l-Mediterran u l-Ewropa jkunu jgħixu fi prosperità wkoll,” qal il-Prim Ministru, li sostna li l-Gvern Malti jemmen li l-komunità internazzjonali għandha tgħin u mhux tindaħal fil-proċess biex terġa’ tinbena l-Libja.
F’dan il-kuntest, qal il-Prim Ministru, il-Gvern Malti jibqa’ anke jwassal il-leħen tal-poplu Libjan anke fil-fora tal-Unjoni Ewropea.
Fil-Libja, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-President Mohammad Younes Menfi.
Id-delegazzjoni li mexxa l-Prim Ministru kienet tinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Bryon Camilleri, u l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.