Il-PM Fil-Preżenza Tal-Ministru Michael Farrugia Jinawgura Residenza Ġdida Tal-Anzjani – Investiment T’€14-Il Miljun

 Il-PM Fil-Preżenza Tal-Ministru Michael Farrugia Jinawgura Residenza Ġdida Tal-Anzjani – Investiment T’€14-Il Miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, inawgura residenza ġdida tal-anzjani b’investiment ta’ €14-il miljun fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Għaxaq.

Ghigo Community Residence hija faċilità mgħammra biex tipprovdi l-kura meħtieġa 24 siegħa kuljum u ċċentrata madwar il-bżonnijiet ta’ kull resident f’ambjent komdu u familjari.

Ir-residenza għandha faċilitajiet tal-ogħla livell b’karatteristiċi mill-isbaħ li jirriflettu dak kollu li huwa Malti bil-għan li jżommu lill-anzjan viċin l-ambjent tradizzjonali li trabba fih. Hija mgħammra b’150 sodda.

L-akkomodazzjoni hija mgħammra wkoll b’servizzi aċċessibbli għal anzjani li d-dipendenza tagħhom tvarja minn waħda żgħira għal dik għolja. Filwaqt li l-maġġoranza tal-kmamar joffru veduta mill-isbaħ tar-raħal pittoresk Malti ta’ Ħal Għaxaq, kull kamra għandha nurse call system, WIFI, televiżjoni u servizzi oħra varji li jtejbu ħajjet l-anzjan skont il-ħtieġa.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja l-isfidi li iffaċċjajna matul dan iż-żmien, il-privat wera r-reżiljenza tiegħu, ma qatax qalbu u xorta waħda qed jinvesti biex joħloq l-impjiegi. Dan filwaqt li se jkun qed joffri akkomodazzjoni b’livell ta’ kwalità għolja lill-anzjani tagħna.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-gvern qed ikompli jinvesti biex jassigura li l-anzjani jkollhom l-aqwa ħarsien meħtieġ.

“Filwaqt li l-privat qed juri fiduċja fil-futur ekonomiku ta’ pajjiżna bl-investimenti li qed jagħmel billi f’din id-dar se jkun qed joħloq madwar 100 impjieg ġdid, il-gvern qed ikompli jagħti s-sapport neċessarju. Dan il-ftehim se jkompli jwassal biex tkompli tonqos il-lista ta’ stennija ta’ anzjani li jkollhom ix-xewqa li jidħlu f’dar li toffrilhom kura u wens”, ikkonkluda l-Ministru.

Is-sidien ta’ Ghigo Community Residence huma John Ghigo Holdings filwaqt li se tkun operata minn AginCare.

Prime Minister Robert Abela visits the Ghigo Community Residence
Triq il-Pitirross, Ħal Għaxaq
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com