Il-PN Jesiġi Li L-Gvern Jasal Fi Ftehim Mas-Segretarji Eżekuttivi Immedjatament
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li fuq stedina tiegħu, fil-ġranet li għaddew inżammet laqgħa fid-Dar Ċentrali mal-UHM Voice of the Workers bħala l-unjin li tirrappreżenta lis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi (ANSEK). F’din il-laqgħa, kemm il-unjin kif ukoll l-ANSEK esprimew id-diżappunt tagħhom li minkejja li ilhom tliet snin jiddiskutu mal-Gvern dwar dan il-ftehim kollettiv ġdid, dawn id-diskussjonijiet ma wasslu għall-ebda konklużjoni.
Fl-istqarrija ffirmata minn Karl Gouder, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Wirt Nazzjonali u ż-Żgħażagħ u Charles Bonello, President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN), il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab ferm preokkupat bis-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn il-ħaddiema. Dan minħabba li preżentament in-negozjati jinsabu wieqfa wara li l-Gvern naqas milli jwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali, dik li s-segretarji eżekuttivi jitpoġġew fi skala 4 u jingħataw il-benefiċċji kollha marbuta ma’ din l-iskala. Intant il-UHM Voice of the Workers ilha għaddejja bid-direttivi mogħtija lil dawn il-ħaddiema mill-Erbgħa 24 ta’ Marzu 2021, u li sal-lum il-ġurnata il-Gvern għadu jkaxkar saqajh dwar din il-wegħda.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li s-segretarji eżekuttivi għandhom kariga ta’ importanza kbira u li flimkien mal-kunsilliera huma l-mutur li jżommu l-kunsilli għaddejjin bix-xogħol tagħhom. L-importanza tal-kariga toħroġ mill-fatt li huma responsabbli mill-governanza tajba tal–istess kunsilli u li jaċċertaw li l-kunsilli lokali jimxu mal-liġi. Il-Partit Nazzjonalista wkoll qed ipoġġi d-disponibbilta’ kollha tiegħu sabiex jgħin ħalli tinsab soluzzjoni malajr għal din is-sitwazzjoni. Iktar minn hekk, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali kiteb lill-Ministru responsabbli minn dan il-qasam b’relazzjoni ma’ dil-kwistjoni. (ittra mehmuża).
It-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern qed iwassal sabiex il-qasam tal-Kunsilli Lokali jinsabu f’diffikultajiet bla preċedent. Il-Partit Nazzjonalista, li ilu jsegwi l-iżviluppi kollha marbuta ma’ dawn id-diskussjonijiet għal dawn l-aħħar snin, jinsab ferm preokkupat bis-sitwazzjoni u qed jappella lill-Gvern sabiex mhux biss iżomm mal-wegħdiet li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda jaġixxi biex ma’ jibqax il-kaġun li jwassal biex il-Kunsilli Lokali ma jiffunzjonawx.