Illum Daħlu Lura Fil-Primarja 85.5% Tal-Istudenti

 Illum Daħlu Lura Fil-Primarja 85.5% Tal-Istudenti

Fi stqarrija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni ntqal li fl-ewwel jum tal-iskola wara l-waqfa minħabba l-miżuri kontra t-tixrid tal-pandemija u wkoll wara l-vaganzi tal-Għid, kien hemm total ta’ 85.5% attendenza tal-istudenti fl-iskejjel primarji tal-Istat.

“Dan huwa persentaġġ tajjeb ħafna u jawgura għat-tkomplija tas-sena skolastika”, irrimarkat il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, filwaqt li żiedet li t-tfal qed jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola biex jieħdu l-aħjar u l-aqwa edukazzjoni li tista’ tingħata.

Bħala total globali, fil-kindergarten, fil-primarji u fl-iskejjel medji u sekondarji – l-aħħar tnejn b’tagħlim onlajn, kien hemm 80.6% attendenza ta’ studenti. Illum fetħu l-kindergartens, l-iskejjel primarji u ċ-childcare centres filwaqt li l-iskejjel medji u sekondarji se jibdew nhar l-Erbgħa u nhar il-Ġimgħa rispettivament.

Aktar minn 50 miżura huma fis-seħħ fl-iskejjel kollha favur il-ħarsien tas-saħħa tal-edukaturi u tal-istudenti skont il-protokoll maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com