Investiment Ta’ €120,000 Sabiex Tissaħħan Il-Pixxina Ta’ Neptunes Waterpolo & Swimming Club
SportMalta se tibda tħallas madwar €120,000 fi spejjeż operattivi u spejjeż tal-gass biex tissaħħan il-pixxina tan-Neptunes Waterpolo and Swimming Club għal 3 snin.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li permezz ta’ dan il-ftehim se jkunu qegħdin jiżdiedu l-faċilitajiet għal pixxini alternattivi sabiex inkomplu nissodisfaw id-domanda li qed tiżdied fuq il-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq, b’hekk aktar klabbs u għawwiema se jkollhom iktar postijiet fejn jitħarrġu.
Is-Segretarju Parlamentari Grima saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim se jkunu qed jiżdiedu l-linji biex jintużaw mill-pubbliku. SportMalta se jkollha għad-disponibbiltà tagħha madwar 30 slot għat-taħriġ tal-waterpolo u madwar 258 siegħa f’linji għall-għawm fil-ġimgħa.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li dan huwa ftehim ieħor li SportMalta qed tagħmel ma’ diversi għaqdiet sportivi f’Malta u Għawdex. Huwa kompla jgħid li SportMalta qed taħdem ma’ diversi klabbs sportivi sabiex dawn ir-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod possibli.
Il-President ta’ Neptunes WPSC Matthew Bonello, filwaqt li rringrazzja lil Gvern għal din l-għajnuna, saħaq li dan il-ftehim se jkompli jgħin lill-klabb sabiex itaffi mill-ispejjeż involuti u b’hekk din il-pixxina tkun tista’ tiġi msaħħna matul dan il-perjodu.
Il-pixxina se tibda tiġi msaħħna bejn Ottubru u Diċembru u bejn Marzu u Mejju. Fix-xhur ta’ Jannar u Frar il-pixxina mhux se tiġi msaħħna minħabba l-fatt li l-post li qiegħda fih din il-pixxina, matul dawn ix-xahrejn, tkun milquta sew minn maltempati.
Matul Jannar u Frar it-teams kollha ta’ Neptunes se jkunu jistgħu jitħarrġu fil-pixxina nazzjonali ta’ SportMalta bl-istess kundizzjonijiet, disponibbiltà u rati bħal clubs lokali oħra.