Investiment Ta’ €292,000 Fid-Dar Tal-Anzjani F’Bormla

 Investiment Ta’ €292,000 Fid-Dar Tal-Anzjani F’Bormla

Waqt żjara fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar investiment ta’ €292,000 fl-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ chillers. Huwa ħabbar dan wara li fl-aħħar ġimgħat skatta proċess ta’ assessjar mid-Direttorat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità li matulu ġew identifikati l-ħtiġijiet infrastrutturali jew oħrajn relatati mal-proviżjoni tas-servizz fid-djar kollha tal-anzjani tal-Gvern.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li “matul din is-sena, minkejja l-ispejjeż kbar li d-Direttorat qed ikollu minħabba l-pandemija, xorta kompla jaħdem fuq investimenti kontinwi biex ikompli jitjieb il-kwalità tas-servizz li jingħata fil-kura fit-tul fid-djar tal-anzjani”.

L-investiment li sar fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla tikkonsisti f’erba’ chillers ġodda kif ukoll sistema ta’ pompi u pajpijiet li jgħaqqdu c-chillers kollha flimkien, dan hekk kif is-sistema kienet waħda antika u li ħafna drabi kienu qed iġarrbu ħsarat konsiderevoli. Għal ħafna snin dawn kienu qed jissewwew temporanjament iżda jerġgħu jieqfu wara ftit, b’inkonvenjent kbir għar-residenti u l-impjegati ta’ din id-dar.

“Bis-saħħa ta’ dan l-investiment, ir-residenti u l-impjegati tad-dar se jkollhom proviżjoni ta’ arja kkundizzjonata tajba l-ħin kollu filwaqt li nipproteġu l-ambjent permezz ta’ sistema effiċjenti”, temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Jakkumpanja lill-Ministru Michael Farrugia kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com