“Irridu Nimxu Lil Hinn Minn Din Il-Mentalità Tal-“War On Drugs” – Cyrus Engerer

 “Irridu Nimxu Lil Hinn Minn Din Il-Mentalità Tal-“War On Drugs” – Cyrus Engerer

Waqt konferenza li organizza b’mod virtwali fil-Parlament Ewropew flimkien ma’ ENCOD, il-Koalizzjoni Ewropea għall-Politika dwar id-Drogi Ġusta u Effettiva, il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer qal li l-legalizzazzjoni tal-kannabis tista’ taġixxi bħala daqqa ta’ ħarta qawwija lis-swieq illegali ta’ madwar pajjiħna u l-Mediterran.

Tenna li politika ta’ projbizzjoni tal-Kannabis timbotta l-kummerċ tagħha fi swieq illegali. “Dan joħloq sors finanzjarju sostanzjali għall-kriminalità organizzata fil-Mediterran. It-tneħħija ta’ dan id-dħul permezz tal-legalizzazzjoni tal-kannabis se tolqot lit-traffikanti fil-but tagħhom.”

Engerer saħaq li l-mod ta’ kif jiġu miġġielda s-swieq illegali attwali ta’ kriminali mifruxa ma’ tul il-Mediterran huwa permezz ta’ legalizzazzjoni ta’ Swieq tal-Kannabis sabiex jitneħħa l-kontroll tal-produzzjoni minn idejn it-traffikanti u jitqiegħed f’qafas aktar regolat u sigur.

“Irridu nimxu lil hinn minn din il-mentalità tal-“War on drugs” li ma hi ta’ benefiċċju għal ħadd, ħlief għat-traffikanti. Ma rridux nirrikorru għat-tbeżżiegħ bil-babaw fuq dan is-suġġet – irridu nibbażaw il-politiki tagħna fuq il-fatti u x-xjenza. Irridu nadottaw politika li tippermettielna nressqu l-politika tal-Kannabis mill-perspettiva tal-qasam tal-Affarijiet tal-Intern u l-pulizija, għal perspettiva aktar ta’ politika soċjali. Iżda dan ma jistax isir jekk inkomplu niffukaw biss fuq politiki ta’ projbizzjoni li huma ppruvati li jagħmlu dannu kbir lis-soċjetà sħiħa, kif issottolinjat mill-esperti fuq il-panel illum.”

Kompla jgħid li l-futur ma nistgħux nibżgħu minnu u spjega kif għal wisq żmien kien qed ikollna d-diskussjonijiet żbaljati fuq suġġett li konna nafu veru ftit dwaru. Hawnhekk saħaq li dan huwa l-mument li nisimgħu mill-akkademiċi, mix-xjentisti, mis-social workers u mill-attivisti u ntemmu din il-politika ta’ projbizzjoni” temm Engerer.

Matul il-konferenza Engerer qal li se jkun qiegħed iressaq numru ta’ proposti lil Gvern Malti fil-konsultazzjoni li qiegħed jagħmel dwar il-kannabis għall-użu personali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com