Jinġabru L-Flus Għal Ċkejken Li Qed Jiġġieled Il-Kanċer
Il-komunità sportiva f’Malta ingħaqdet flimkien sabiex jinġabru l-flus għaċ-ċkejken Luca Maia, tifel ta’ sena u disa’ xhur li qed jiġġieled il-marda kiefra tal-kanċer.
Luca huwa t-tifel ta’ Patrick Maia, player Brażiljan li matul l-aħħar staġun tal-football kien qed jilgħab bil-flokk ta’ Marsa FC. Fil-passat huwa lagħab ukoll ma’ Ħamrun Spartans u Santa Luċija.
Il-waqfien tal-kampjonati minħabba l-pandemija fisser li l-kuntratt ta’ Maia kellu jitwaqqaf iktar qabel minn dak mistenni, u konsegwenza ta’ hekk, il-familja ta’ Maia naqsitilhom il-paga li kien qed jirċievi Patrick.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, numru kbir ta’ individwi qed joffru oġġetti relatati mal-isports sabiex il-fondi miġbura mill-bejgħ tagħhom imur għand il-familja Maia u jtaffu parti mill-ispejjeż li hemm bżonn għat-terapija ta’ Luca.
Dan filwaqt li grupp ta’ players minn klabbs differenti ġabru s-somma ta’ €13,470 għal dan il-għan.
Huwa maħsub li ċ-ċkejken għandu sentejn ta’ ġlieda mal-kanċer, fejn se jgħaddi minn diversi sessjonijiet ta’ kimoterapija, radjoterapija, interventi mediċi u se jkollu jitla’ r-Renju Unit għal kura speċjalizzata.
Fost dawk li qed joffru oġġetti għad-donazzjoni hemm il-ġurnalist sportiv Antvin Monseigneur. Huwa qed joffri żewġ flokkijiet tat-tim nazzjonali tal-Italja u li huma ffirmati minn Pirlo, Eder u Buffon.
Apparti minn hekk, qed joffri wkoll beritta tal-Yamaha ffirmata minn Valentino Rossi u kif ukoll Mini Moto replika tal-Yamaha tal-istess sewwieq Taljan.
Kull min hu interessat li jakkwista dawn l-oġġetti jista’ jagħmel kuntatt ma’ Antvin Monseigner, ma’ Strada Rjali jew mal-Għaqda Ġurnalisti Sportivi.