Jinħatru 29 Surġent Tal-Pulizija

 Jinħatru 29 Surġent Tal-Pulizija

Ilbieraħ waranofsinhar, f’ċerimonja ppreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, 29 kuntistabbli tal-Pulizija – 25 raġel u 4 nisa – ġew promossi fil-kariga ta’ surġent.

Il-Ministru Camilleri faħħar lill-uffiċjali hekk kif bdew pass ieħor fil-karriera tagħhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Huwa spjega kif permezz ta’ sensiela ta’ investimenti li saru f’dawn l-aħħar xhur, il-Korp jinsab aktar ippreparat biex jilqa’ għall-isfidi tal-lum. “Il-messaġġ tiegħi għalikom huwa biex ma tistriħux issa li ngħatajtu aktar responsabbiltà. Ibqgħu aħdmu u aħsbu fid-differenza li tistgħu tagħmlu fil-ħajja tan-nies,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà tenna li promozzjonijiet bħal dawn iħares lejhom b’ħerqa, għax juru li l-pulizija għandhom fihom il-ħeġġa li javvanzaw għalkemm ixxogħol tal-Korp mhuwiex wieħed faċli. “Ix-xogħol tagħna huwa vokazzjoni li qed nibdlu fi professjoni, propju kif jixhed il-mission statement il-ġdid tal-Korp, dak li nipprovdu servizz professjonali u fdat biex niżguraw pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità”.

Il-Kummissarju għalaq billi ħeġġeġ lis-Surġenti l-ġodda biex jikkontribwixxu u jimmotivaw lill-kollegi tagħhom għall-bidla, ħalli fiż-żmien tkompli tiġi attwata l-Istrateġija tat-Trasformazzjoni.

Il-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju Angelo Gafà awguraw lis-surġenti u rringrazzjawhom tal-kontribut li qed jagħtu lill-pajjiż bħala membri tal-Korp tal-Pulizija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com