Jinstab Virus F’Malta Li Jattakka T-Tadam U L-Bżar

 Jinstab Virus F’Malta Li Jattakka T-Tadam U L-Bżar

Għall-ewwel darba f’Malta instab il-virus bl-isem Tomato Brown Rugose Fruit Virus, li jattakka t-tadam u l-bżar.

Jirriżulta li l-virus instab il-ġimgħa li għaddiet mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti waqt testijiet fuq kampjuni importati.

Ma’ TVM, id-Direttur tal-istess Direttorat Dennis Sciberras qal li kien hemm 7 kampjuni minn 28 ta’ xitel tad-tadam mill-Italja li rriżultaw pożittiv.

Huwa spjega li l-virus jikkawża lill-pjanta biex ma tikbirx kif suppost, bil-werqa u t-tadama jitkemmxu. Irrimarka wkoll li minħabba l-virus, il-produzzjoni tat-tadam tonqos b’bejn 30% u 70%.

Sciberras qal li karatteristika oħra tal-virus hija li jimxi malajr ħafna mal-ilbies, makkinarju, għodda, kontenituri, żraben u saħansitra mill-insetti.

Ħabba f’hekk, huwa appella biex ikunu segwiti protokolli ta’ indafa u iġene kif suppost fuq il-bidwi nnifsu, l-għodda u l-makkinarju.

Mal-istess kamra tal-aħbarijiet, id-Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti qal li ma hemmx trattament għall-virus, u ma tistax tintuża kimika biex jinqatel jew jintuża xi pestiċidji.

L-unika soluzzjoni s’issa hija li tinqala x-xitla, titħalla tinxef għal jumejn imbagħad tinħaraq f’post fejn ma jsirx ħsara lil affarijeit oħra.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com