Jitraħħsu 42 Mediċina Oħra
L-Awtorità tal-Mediċini se traħħas 42 mediċina li huma disponibbli fis-suq lokali u li jkopru kundizzjonijiet bħal pressjoni għolja, kolesterol, mard tal-qalb, antibijotiċi, anzjetà, kundizzjonijiet newroloġiċi u osteoporożi.
Dan filwaqt li 29 mediċina ġenerika ta’ kwalità konformi mar-regolamenti Ewropej ġiet introdotta fis-suq Malti bi prezz orħos li jlaħħaq is-73% mill-prezz ta’ mediċini alternattivi li diġà jinsabu fis-suq Malti.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista.
“F’pajjiżna għandna Awtorità tal-Mediċini li tħares b’mod proattiv lejn kif il-konsumaturi jista’ jkollhom mediċini aktar aċċessibbli bi prezzijiet ġusti u għażla wiesgħa ta’ trattamenti kemm fis-settur pubbliku u dak privat,” żied il-Ministru Clayton Bartolo.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega li l-aċċess għal mediċini affordabbli huwa fundamentali għas-saħħa pubblika u għat-tkabbir ekonomiku.
“Din id-darba tħabbar l-akbar ammont ta’ roħs ta’ mediċini minkejja l-pandemija u l-isfidi ta’ Brexit,” iddikjara s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista filwaqt li tenna li ġew introdotti mediċini ġeneriċi li huma effettivi u tal-istess kwalità.
Is-segretarju parlamentari kkonkluda li dan huwa xhieda ta’ kemm għall-gvern preżenti, is-saħħa tal-poplu hija prijorità filwaqt li se tissokta l-ħidma sabiex verament dan il-gvern issaħħaħ lill-ħaddiem.