Joe Bajada Maħtur President ta’ Kummissjoni Ġdida F’Ħdan l-UEC

 Joe Bajada Maħtur President ta’ Kummissjoni Ġdida F’Ħdan l-UEC

Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu għadu ġie maħtur bħala l-President ta’ Kummissjoni ġdida fi ħdan l-Unjoni Ewropeja taċ-Ċikliżmu (UEC), dik tal-Pajjizi ż-Żgħar. Dan seħħ propju wara li ftit tal-ġimgħat ilu, l-istess Bajada kien reġa ġie elett mill-ġdid fil-kariga bħala wieħed mil-15 il-delegat li għadhom id-dritt li jkunu huma li jivvutaw f’isem il-50 pajjiż membru affiljat Ewropej waqt il-Kungress Annwali Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu flimkien ma’ 30 delegat ieħor mill-erba’ konfederazzjonijiet l-oħra.

Kien fuq l-inizjattiva tal-President il-ġdid tal-UEC, Enrico Della Casa, li titwaqqaf din il-Kummissjoini u l-għażla tiegħu biex immexxi din il-Kummisjoni waqgħet fuq Joe Bajada. Din hija ħatra storika għal fatt li persuna minn Malta ser tkun ghall-ewwel darba fl-istorja taċ-Ċikliżmu Mondjali li tokkupa l-kariga ta’ President ta’ Kummissjoni. Din il-ħatra li hija għal erba’ snin, tkompli żżid fir-rikonoxximent għax-xogħol siewi li qed jagħmel Joe Bajada fix-xena internazzjonali taċ-Ċikliżmu. Minbarra dawn l-karigi, Bajada huwa wkoll membru f’Kummissjoni oħra simili tal-Union Cycliste Internationale (UCI).

Fost l-għanijiet ewlenin ta’ din il-Kummissjoni hemm li ser issir ħidma biex ikun protett iċ-Ċikliżmu fil-Logħob tal-Pajjiżi z-Żgħar, fejn wara li fil-Montenegro ċ-ċikliżmu ma kienx parti mill-programm, għal UEC dan mhux aċċettabbli. Mira oħra hija dik li toħloq avvenimenti speċifiċi sabiex kull sena jkun hemm mill-inqas avveniment wieħed għad-9 pajjiżi membri; kif ukoll li torganizza kampijiet ta’ taħriġ taħt l-umbrella tal-fondi ta’ Solidarjetà tal-UCI. Il-membri l-oħra li ser jiffurmaw parti minn din il-Kummissjoni huma: Walter Baldiserra (San Marino), Camille Damm (Lussemburgu) u Bjarni Már Svavarsson (Islanda). 

Sorpriż u fl-istess waqt sodisfatt ferm b’din il-ħatra l-ġdida, Joe Bajada radd ħajr lil President il-ġdid Enrico Della Casa għal din in-nomina kif ukoll lil Management Board tal-UEC tal-approvazzjoni. Huwa stqarr li dan huwa mhux biss suċċess għalih personali, iżda fuq kollox għaċ-Ċikliżmu u l-iSport Malti nġenerali. Din il-ħatra turi biċ-ċar ir-rispett, l-apprezzament kif ukoll il-fiduċja li huwa jgawdi kemm fil-UCI kif ukoll fil-UEC u li dan kollu wasal wara l-impenn sħiħ tiegħu f’din l-isfera internazzjonali. 

Il-ħolma ewlenija ta’ Joe Bajada hija li ma jdumx ma jkun organizzat l-ewwel kampjonat għal Pajjiżi ż-Żgħar u anke dawk Emerġenti tal-Ewropa fejn possibilment l-ewwel edizzjoni tinżamm fil-futur qarib f’pajjiżna.

Enrico Della Casa, President tal-Union Européenne de Cyclisme fi stqarrija uffiċjali qal, “Bil-ħolqien ta’ Kummissjonijiet ġodda, issa nistgħu ngħidu li qed naħdmu b’kapaċità sħiħa, fidila għall-filosofija tal-UEC li hija li tkun għas-servizz ta’ involviment sħiħ mal-Federazzjonijiet Nazzjonali tagħna. Il-pajjiżi affiljati issa huma rrappreżentati minn xejn inqas minn 30 membri f’dawn il-Kummissjoni li ghandhom terminu għall-erba’ snin li ġejjin. Dan juri l-entużjażmu u l-ispinta tal-Konfederazzjoni tagħna u fuq kollox sinerġija importanti mal-moviment tal-għeruq tagħna”.

 

Ritratt: UEC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com