Kienet Akkużata Bla Ħtija Fuq Il-Kriżi Fil-Kanal Ta’ Swejz

 Kienet Akkużata Bla Ħtija Fuq Il-Kriżi Fil-Kanal Ta’ Swejz

L-ewwel kaptan femminili mill-Eġittu qalet li kienet akkużata bla ma kellha ħtija fuq il-kriżi li kien hemm riċenti fil-Kanal ta’ Swejz.

Jirriżulta li dan seħħ waqt li hi kienet fuq bastiment differenti mijiet ta’ kilometri ‘l bogħod.

Marwa Elselehdar, li għandha 29 sena, kienet qed tmexxi l-vapur Aida IV f’Alessandrija meta l-bastiment mimli containers Ever Given weħel mal-ġenb tal-Kanal.

Marwa qalet li kienet maħsuda u beżgħet li kienet se tkun fil-mira minħabba li hija mara li kisbet suċċess jew għax hija Eġizzjana.

Skont BBC, xnigħat li hija kienet involuta fil-każ tal-Ever Given bdew jiġru wara li kien qed jiċċirkola ritratt ta’ titlu mbgħabas meħud minn Arab News.

Saħqet li l-artiklu falz kien bl-Ingliż, allura nfirex f’ħafna pajjiżi. Pruvat minn kollox biex tinnega x’kien hemm miktub għax kien qed jaffetwa r-reputazzjoni tagħha u l-isforzi kollha li għamlet biex waslet fejn hi.

Filwaqt li l-kummenti fuq l-artiklu kienu negattivi u ħarxa, Marwa qalet li kien hemm ħafna oħra li wrew appoġġ lejha ġejjin min-nies ordinarji u kollegi tagħha.

Hija appellat lin-nisa li jridu jkunu fis-settur marittimu sabiex jiġġieldu għal dak li jħobbu u ma jħallux in-negattività taffetwahom.

Ix-xahar id-dieħel, hija se tagħmel l-aħħar ezami sabiex tikseb il-grad sħiħ ta’ kaptan, u taspira li tkun ta’ eżempju għan-nisa fl-industrija.

Ritratt: Marwa Elselehdar / BBC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com