Kumpanija Marittima Maltija Tgħin F’Riċerka Internazzjonali Biex Tnaqqas L-Impatt Ambjentali
Kumpanija Maltija qiegħda tipparteċipa fi proġett internazzjonali ta’ riċerka li jiġbor flimkien akkademiċi mir-Renju Unit, l-Italja u Malta sabiex tiġi żviluppata il-kapaċita’ xjentifika u teknoloġika fil-qasam tad-disinn tad-dgħajjes għal industrija b’inqas impatt fuq l-ambjent.
Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici llum żar l-ufficini tal-kumpanija Maltija Naval Architectural Services li tipprovdi servizzi tekniċi speċjalizzati fis-settur marittimu għal diversi klijenti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Dr Bonnici spjega kif bis-saħħa tal- proġett VENTuRE, l-Università ta’ Strathclyde mir-Renju Unit, l-Università ta’ Ġenova mill-Italja, l-Università ta’ Malta u NAS Ltd. qed jahdmu flimkien biex ikunu jistgħu jaqsmu l-għarfien u jtejbu il-kapaċità xjentifika u teknoloġika fil-qasam tad-disinn tad-dgħajjes effiċjenti fl-enerġija.
Permezz ta’ dan il-proġett, VENTuRE se jikkontribwixxi biex Malta tipprovdi bażi tajba biex tkompli tiżviluppa l-kapaċità xjentifika u teknoloġika tagħha fl-industrija tal-baħar.
Il-Ministru Bonnici sostna li jinsab kburi pajjiżna, bis-saħħa tar-riċerkaturi tagħha, qed tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri globali stabbiliti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
“Jien nifraħ il-fergħa tar-riċerka ta’ din il-kumpanija, immexxija minn Dr Kurt Mizzi, li issa qed jiffokaw ukoll fuq fjuwils ġodda u disinji effiċjenti biex jintlaħaq l-għan ambizzjuż tal-kumpanija ta’ emissjonijiet żero u tbaħħir b’impatt ambjentali baxx,” sostna Dr Bonnici.
Id-Direttur ta’ Naval Architectural Services, l-Iniġinier Kurt Gutteridge spjega li din il-kumpanija bdiet billi toffri servizzi ta’ spezzjoni, ċertifikazjoni u disinn navali u mas-snin evolviet sabiex illum toffri konsulenza f’diversi oqsma speċjalizzati bħal ma huma l-istabbiltà tal-vapuri u l-jottijiet, disinni strutturali, ‘hull optimization’ u użu ta’ apparat li jiffranka l-enerġija, apparti proġetti oħra internazzjonali li għaddejjin bħalissa.