“L-Aħwa Degiorgio kellhom Wieħed Mill-Mobiles Fil-Ħabs U Ċemplu Lil Melvin Theuma”
Ilbieraħ tkompla l-kontro-eżami ta’ Vince Muscat ‘Il-Koħħu’ fejn fil-Qorti ddikjara li hu kien tradut mill-aħwa Degiorgio.
Reġa’ stqarr li l-pjan oriġinali kien li jisparaw lil Daphne Caruana Galizia, imorru f’garaxx fin-Naxxar u wara kulħadd jitlaq lejn daru.
Meta mistoqsi jekk qattx iltaqa’ mal-eks Ministru Chris Cardona, wieġeb li iva, iżda mhux wara d-delitt.
Tenna wkoll li kien Alfred Degiorgio li kien qed juża t-tromba dakinhar tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Qal ukoll, li Alfred kien ma’ ħuħ fuq il-mobile u spjega kif ra d-duħħan imma ma sema’ xejn.
Muscat qal ukoll li l-pulizija ma setgħetx tasal għalih għax ma kien hemm xejn fuqu. Tenna li Alfred Degiorgio serraħlu rasu li għandhom ‘backing minn barra.’
Spjega wkoll kif fil-ħabs, kienu f’diviżjonijiet differenti u sar jaf li fejn hemm l-aħwa Degiorgio, kien hemm żewġ mobiles jiġru. Tenna kif l-aħwa kellhom wieħed minnhom u anke ċemplu lil Melvin Theuma.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u mill-Ispettur Kurt Zahra.
L-Avukat William Cuschieri qed jidher għall-aħwa Degiorgio u l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.