L-GĦGS Tingħaqad Ma’ Together Gaming Solutions Għal Fairplay Award

 L-GĦGS Tingħaqad Ma’ Together Gaming Solutions Għal Fairplay Award

L-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-kumpanija Together Gaming Solutions, li hi kumpanija kkwotata fil-Borża ta’ Malta, se jerġgħu jintroduċu l-Fairplay Award. Il-kunċett tal-Fairplay Award f’Malta jmur lura għas-snin tmenin, meta l-mibki iżda qatt minsi ġurnalist sportiv Louis Portelli kien introduċa dan il-premju mmirat għall-atleti individwali jew timijiet li jiddistingwu ruħhom f’ġesti ta’ altruwiżmu, jew kif inhu magħruf bħala Fairplay, waqt kompetizzjonijiet uffiċjali u anki mhux uffiċjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet imnedija din l-inizzjattiva, s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham irringrazzjat lil Together Gaming Solutions li aċċettaw li jkunu parti minn din l-inizjattiva li żgur kienet se tkun ta’ interess għall-komunità sportiva lokali.

Ingħataw aktar dettalji fuq il-panel ta’ esperti li se jkun qed jevalwa in-nominazzjonijiet għal dan il-premju. Il-panel se jkun immexxi mill-President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli li huwa wkoll membru fil-kumitat tal-European Fairplay.

Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u l-HR ta’ Together Gaming Solutions qalet li din il-kumpaniija internazzjonali tinsab onorata li qed tingħaqad mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tħares ‘il quddiem biex tkompli taħdem mal-media tal-isports lokali.

It-Together Gaming Solutions Fairplay Award għas-sena 2021 se jingħata kif ġej:

  • Perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu, bil-premju jingħata f’April 2021
  • Perjodu bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Ġunju, bil-premju jingħata f’Lulju 2021
  • Perjodu bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru, bil-premju jingħata f’Ottubru 2021
  • Perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru, bil-premju jingħata f’Jannar 2022

Bħalma kien intqal fil-61 tal-edizzjoni ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali, l-Għaqda Ġurnalisti Sports se tikteb formalment lill-European Fair Play Movement sabiex tinfurmahom b’din l-inizzjativa f’Malta.

Il-kelliema waqt il-Konferenza kienu Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Charles Camenzuli President AIPS Europe, Edward Licari Direttur TGS u Benjamin Delsinger Managing Director TGS.

 

Ritratt: GĦGS

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com