L-Iskejjel Mistennija Jiftħu Nhar It-Tnejn; Qed Jiġi Ffinalizzat Pjan Ta’ Ftuħ
Il-Prim Ministru Roberta Abela f’intervista fuq ONE Radio ħabbar li l-Gvern flimkien mal-Awtoritajiet tas-Saħħa f’pajjiżna qed jiffinalizzaw pjan ta’ miżuri ġodda sabiex jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Robert Abela spjega kif fis-sigħat li ġejjin mistenni jiġi ffinalizzat dan il-pjan li ser jiffoka aktar fuq il-kawtela milli r-rilaxx tal-miżuri. Hu sostna li “mhux se jkun pjan ta’ ftuħ aggressiv jiġifieri iktar se jkun qed ixaqleb lejn in-naħa tal-kawtela bi prijoritajiet ewlenin fosthom l-edukazzjoni.”
Mingħajr ma semma dati, il-Prim Minisrtru ta x’jifhem li l-iskejjel se jkunu minn tal-ewwel li jiftħu u għalhekk dan ifisser li l-iskejjel jerġgħu jiftħu nhar it-Tnejn li ġej hekk kif il-Ħadd jiġu fi tmiemhom numru ta’ restrizzjonijiet eżistenti.
Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern ħa jaddotta prinċipju bi-direzzjonali u li permezz tiegħu l-miżuri jkunu jistgħu jitnaqqsu jew jiżdiedu skont is-sitwazzjoni medika f’pajjiżna. Il-Prim Ministru spjega wkoll li huwa ottimist u fiduċjuż għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Robert Abela spjega kif il-pjan ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna miexi ġmielu. Fil-fatt, ħabbar ukoll li llum pajjiżna se jkun laħaq mira importanti ta’ madwar 220,000 doża.