L-Oppożizzjoni Tappella Lill-Gvern Għal Konsultazzjoni Dwar L-Air Malta
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista irrefera għal rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir lokali fejn ġie sostnut li dawn jindikaw li l-Gvern qed iħejji pjanijiet marbuta mal-futur Air Malta u li jinkludu bidliet sostanzjali fil-mod ta’ kif topera l-kumpanija.
l-istess stqarrija kompliet tgħid li l-Oppożizzjoni tikkonferma u ssostni il-pożizzjoni tagħha favur kull għajnuna neċessarja sabiex il-linja nazzjonali ta’ pajjiżna tiġi salvata. “L-Air Malta hija parti integrali tar-raġunijiet fis-suċċess li pajjiżna kiseb fil-qasam tat-turiżmu tul is-snin. Hija toffri aċċessibbilta’ kruċjali lejn pajjiżna, importanti wkoll fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tqassim ta’ cargo speċjalizzat. L-Air Malta għalhekk toffri għajxien mhux biss b’mod dirett għal mijiet ta’ ħaddiem li jaħdmu magħha iżda wkoll b’mod indirett għal eluf ta’ haddiema illi jiddependu fuq it-turiżmu u s-servizzi finanjarji għall-għajxien tagħhom.”
Appellaw lill-Gvern biex jikkonsulta mal-Oppożizzjoni u anke mal-partijet kollha kkonċernati dwar bidliet li se jħallu impatt fundamentali fuq il-futur tal-Air Malta u l-mod ta’ kif hija topera. “Dan kif kien għamel Partit Nazzjonalista fil-Gvern fl-2012 fejn id-deċiżjonijiet ittieħdu b’konsultazzjonijiet wiesa’ ta’ kull min hu involut”, sostniet l-istqarrija filwaqt li ntqal, li dan huwa mument fejn il-Gvern jgħaddi mill-kliem għall-fatti dwar ‘għaqda nazzjonali’ u ‘gvern li jisma’.
L-istqarrija hija ffirmata minn Mario de Marco; Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi u l-Air Malta.