Lura Għall-Attivita Sportiva B’Responsabbilta – L-MFA, L-ASA U L-MBA F’Daqqa
It-tliet entitajiet sportivi, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball, dik tal-Għawm u Sport Akwatiku bħal Waterpolo u l-MaltaFA, b’mod konġunt qed jappellaw għar-ritorn tal-attivita sportiva b’mod responsabbli.
L-appell qed isir lill-Gvern u lill-Awtoritajiet tas-Saħħa anke fid-dawl tal-fatt li ftit li xejn kienu l-każijiet ta’ trasmissjoni ta’ COVID marbuta m’attivita sportiva fl-aħħar xhur.
Anke dettalji ppublikati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jindikaw dan, jiġifieri li l-isport kompetittiv dejjem kien fost tal-aħħar fil-lista ta’ clusters li wasslu għat-trasmissjoni tal-virus.
It-tliet entitajiet b’mod konġunt qed jappellaw biex l-isport ma’ jibqgħax isofri anke fid-dawl tal-fatt li l-Assoċjazzjonijiet involuti diġa taw serħan il-moħħ diversi drabi li d-dixxiplini sportivi rispettivi anke b’mod kompettitiv jistgħu jiġu prattikati b’mod sigur.
It-tliet assoċjazzjonijiet qablu f’ritorn gradwali għall-attivita u l-irtirar tal-miżuri mill-ġimgħa d-dieħla kif kien indikat oriġinarjament, jgħidu li dan huwa kruċjali għall-atleti tagħna biex jirritornaw għat-taħriġ u sussegwentament għall-attivita tagħhom.
L-Olimpjadi fis-sajf (ftit xhur oħra) f’Tokyo u mpenji ġejjin għat-Tim Nazzjonali tal-Futbol għall-kumplament tas-sena għandhom jixprunaw lill-Awtoritajiet f”dan il-pajjiż biex jifhmu l-importanza li ll-atleti tagħna ma’ jistgħux jibqgħu aktar id-dar u b’mod responsabbli jirritornaw għat-taħriġ tagħhom.
It-Tliet Assoċjazzjonijiet qed jagħtu priorita il-livell Elite aktar mill-grassroots jew kompetizzjonijiet tad-delettanti, dawn tal-aħħar jinvolvu ferm aktar parteċipazzjoni fejn jidħlu numri u individwi.
“Ejja nsibu kompromess, għadna fil-ħin li ntemmu l-kompetizzjonijiet domestiċi tagħna b’mod naturali sa qabel is-sajf, dan minbarra li jkunu premjati l-isforzi li qed isiru mill-assoċjazzjonijiet, klabbs u atleti biex isostnu l-attivita tagħhom f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għal kulħadd”, temmew l-istqarrija konġunta tagħhom, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku, dik tal-Basketball l-MBA u l-Malta Football Association.